Il-gvern ħabbar roħs ieħor fil-prezzijiet ta’ diversi mediċini fosthom mediċina li tintuża kontra l-kanċer fil-musrana l-kbira flimkien ma’ oħrajn li jintużaw għat-trattament ta’ kundizzjonijiet differenti inkluż id-dijabete, l-acne, ansjetà, mard tal-għadam, u l-ażma. Din hija d-disa’ darba f’din il-leġislatura li l-prezz tal-mediċini qed jorħos.
Fl-aħħar ġimgħat kienu awtorizzati ukoll numru ta’mediċini ġeneriċi ġodda li minnhom il-konsumaturi ukoll se jkunu qed jibbenefikaw sa massimu ta’ 74% fi prezzijiet orħos fuq mediċini tad-ditta.
Dan ifisser roħs fuq 29 mediċina.
Fil-Life Sciences Park, matul konferenza, il-Ministru għad-Djalogu soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli ħabbret dan ir-roħs, roħs li jkopri sa 65% fuq il-prezz preċedenti.
B’dan ir-roħs, il-pubbliku li jagħmel użu minn dawn il-mediċini se jkun qed jibbenefika minn roħs sostanzjali. Il-pilloli Singulair tal-10mg li jintużaw għat-trattament tal-ażma se jkunu qed jinbiegħu għall-prezz ta’ €18.95 minn €54.51, li jfisser roħs ta’ €35.56.
Pazjenti li jbatu minn kanċer fil-musrana l-kbira u li jkollhom bżonn il-mediċina Erbitux għat-trattament se jkunu qed jiffrankaw €25.90 fuq il-prezz oriġinali filwaqt dawk li jużaw il-mediċina Forsteo għat-trattament tal-Osteoporosis se jibbenefikaw minn roħs ta’ 17% jiġifieri torħos bi €82.50.
Persuni li jużaw il-mediċina Diamicron 60MR (×30) għat-trattament tad-dijabete se tkun qed torħos b’ 34% jiġifieri l-konsumatru se jkun qed jiffranka madwar €4 fuq kull kaxxa.
Fl-istess konferenza tħabbret ukoll lista ta’ mediċini ġeneriċi ġodda miċ-Chairman tal-Awtoritá dwar il-Mediċini, l-Prof. Anthony Serracino Inglott. Il-Professur spjega li dawn il-mediċini ġeneriċi jkopru trattamenti għall-acne, kolesterol, pressjoni għolja, epilessija u aċtu fl-istonku. Huwa spjega li l-Gvern wasal għal dawn n negozjati fir-roħs tal-mediċini li finalment qed igawdi minnu l-konsumatur
Kien assigurat li permezz ta’ dan ir-roħs mhux se tonqos il-kwalitá kif ukoll ir-reputazzjoni ta’ Malta fis-settur tal-mediċini, li hija waħda għolja ħafna.