Il-Gvern, permezz tal-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali, ħabbar miżura li permezz tagħha, sidien ta’ proprjetajiet li ilhom jinkrew b’rati affordabbli għal mill-inqas għaxar snin u jagħżlu li jbiegħu l-proprjetà lill-inkwilini li jgħixu fihom jew lil uliedhom li jgħixu fl-istess dar, mhu se jħallsu l-ebda taxxa.
Dan se jwassal biex ma titħallas l-ebda taxxa fuq il-bejgħ, la mis-sid u lanqas mix-xerrej sa valur ta’ €200,000.
Apparti minn hekk, sidien ta’ proprjetajiet, li ilhom jinkrew b’rati affordabbli għal minn tal-inqas tliet snin imma mhux aktar minn għaxar snin, li jagħżlu li jbiegħu l-proprjetà lill-inkwilini li jgħixu f’dik il-proprjetà jew lil uliedhom, iħallsu biss 50% tat-taxxa tal-bejgħ mill-bejjiegħ u mix-xerrej fuq l-ewwel €200,000 tal-valur.
Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali, Roderick Galdes spjega li l-kirja tal-proprjetajiet li jikkwalifikaw għal din il-miżura bħala “Rati Affordabbli” se tkun marbuta mal-perċentwal ta’ 85% tal-prezz indikat, tal-Awtorità tad-Djar, skont ir-reġjun applikabbli, li jirrifletti l-medja tal-prezz tal-kera fir-reġjun rispettiv u jikkunsidra wkoll id-daqs tad-dar.
Qal, “Sidien jistgħu jiffrankaw sa €16,000 capital gain tax, li kienet titħallas jekk jiġu biex ibiegħu lill-inkwilin innifsu. L-inkwilin min-naħa tagħhom ħa jiffrankaw it-taxxi tal-boll jekk ovvjament issir tranżizzjoni bejn iż-żewġ partijiet.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar, Leonid McKay qal li l-awtorità se tħaddem din l-iskema mill-fażi tal-applikazzjoni sal-ħruġ.
Qal, “Hawnhekk qed nitkellmu fuq skema li ħa tiswa lill-Gvern ħafna u ħafna flus, fis-sens illi naraw li l-Awtorità tevita li jkun hemm xi abbuż min xi applikanti u allura aħna ħa nkunu qed nikkomunikaw mal-Kunsill Notorali biex fejn għandek ċertifikati mressqa quddiem in-nutura, in-nutar jagħmel kuntatt mal-Awtorità sempliċiment biex jara li ċ-ċertifikat huwa awtentiku.”