Fi tmiem il-ġimgħa s-sewwieq tat-tiġrijet taż-żwiemel Rodney Gatt se jkun qed jirrappreżenta lil pajjiżna fil-Kampjonat Ewropew għal sewwieqa professjonali li se jsir fil-koros ta’ Wallonie u Tongres il-Belġju. Champion ta’ Malta għal dawn l-aħħar 5 snin, Gatt lokalment rebaħ 729 tiġrija u irreġistra wkoll rebħiet importanti barra minn xtutna fosthom waqt il-Kampjonat Dinji għal sewwieqa professjonali li kien sar fl-Isvezja fl-2019.
Il-Kampjonat Ewropew jolterna ma’ dak dinji iżda minħabba l-pandemija dak ippjanat għas-sena 2020 ma sarx u ma kien hemm l-ebda kompetizzjoni fl-2021. Għalhekk l-aħħar Champion Ewropew kien dak tal-2018 il-Franċiż Franck Nivard.
Rodney Gatt, li huwa akkumpanjat minn wieħed mill-membri tal-Għaqda li tirrappreżenta lis-sidien u s-sewwieqa fi ħdan il-Malta Racing Club Karl Debono, se jkun qed isuq f’seba’ tiġrijiet maqsuma fuq jumejn. Is-Sibt filgħaxija fil-korsa ta’ Mons se jkun fl-azzjoni f’erba’ tiġrijiet filwaqt li l-għada l-Ħadd se jsuq tliet tiġrijiet Tongres.
F’dan il-Kampjonat hemm 11-il parteċipant li ġejjin mill-Awstrija, Belġju, Fillandja, Franza, Ġermanja, Irlanda, Italja, Serbja, Spanja, Svezja u sintendi Malta. Bħal Malta l-Irlanda u s-Serbja se jkunu qed jittamaw li jerbħu dan l-unur għall-ewwel darba hekk kif il-Ġermanja b’disa’ darbiet hija l-aktar pajjiż li qatt rebħet dan il-kampjonat li ilu jsir mill-1969.
Il-parteċipanti jingħataw punti skont fejn jidħlu f’kull tiġrija u min ikollu l-akbar ammont ta’ punti wara seba’ tiġrijiet ikun iddikjarat champion tal-Ewropa. Prestazzjoni minn ta’ quddiem f’dan il-kampjonat tista’ wkoll tfisser invit awtomatiku għall-kampjonat dinji tas-sewwieqa professjonali li huwa ppjanat li jsir l-Italja s-sena d-dieħla.