Roderick Cassar, li jinsab mixli bil-qtil ta’ martu Bernice nhar it-Tlieta filgħodu, qed jinżamm arrestat fit-Taqsima Forensika tal-Isptar Monte Carmeli.
Ilbieraħ waranofsinhar, Cassar, ta’ 42 sena mill-Qrendi, tressaq il-Qorti u nżamm arrestat wara li wieġeb li mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih. Huwa għandu quddiemu ħmistax-il akkuża, fosthom li kellu arma tan-nar mingħajr liċenzja u anki li seraq il-mowbajl u ċ-ċavetta tal-karozza ta’ martu.
Fil-Qorti lbieraħ, id-Difiża tal-imputat talbet li Cassar jintbagħat fit-Taqsima Forensika tal-Isptar Monte Carmeli. Min-naħa tagħha, il-Maġistrat tal-Għassa Astrid May Grima rrakkomandat lid-Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin sabiex jara fejn l-aħjar jinżamm arrestat l-imputat.
Roderick Cassar jinsab akkużat li nhar it-Tlieta filgħodu qatel lil martu b’żewġ tiri ta’ senter, wieħed f’rasha u l-ieħor f’sidirha, viċin l-MCAST f’Raħal Ġdid.
Huwa ġie arrestat f’daru l-Erbgħa għall-ħabta tas-sagħtejn u nofs ta’ filgħodu. Dan sar f’operazzjoni delikata li fiha kienu involuti l-Ispecial Intervention Unit tal-Pulizija u li damet aktar minn sbatax-il siegħa.
Il-kumpilazzjoni tal-provi fil-konfront ta’ Cassar mistennija tibda nhar it-Tlieta.