B’sistema robotika ġdida il-mediċina ser tkun qed tiġi mħejjija għall-kull pazjent individwali skont il-ħtieġa tiegħu. Dan hekk kif din il-magna tiftaħ il-folji tal-mediċini f’dożi individwali, u b’sistema robotika tlesti boroż individwali bil-mediċina għal kull pazjent. Dan imbagħad jgħaddu għal robot ieħor għat-tqassim f’Mater Dei.
Id-deputat Prim Ministru u ministru għas-saħħa Chris Fearne, stqarr li permezz ta’ dan l-investiment f’sistema robotika oħra ser tkun qed tiżdied is-sigurtà għall-pazjenti.
Huwa sostna: “B’sistema robotika l-mediċina jiġu preparati individwalment għal kull pazjent skont il-ħtieġa tiegħu. Din hija magna li tagħmilha iżjed faċli għall-ispiżjara tagħna biex ikunu jistgħu jagħmlu xogħolhom u fuq kollox iżżid l-effiċjenza u żżid is-sigurtà lill-pazjenti tagħna.”
Ir-robots awtomatiċi tal-farmaċija huma kapaċi jipproduċu 4,000 doża kuljum. Dan ifisser li l-magna waħihda kapaċi tlesti d-dożi kollha li l-pazjenti Maltin għandhom bżonn fil-mument. Dan ifisser li pajjiżna huwa lest għall-kull żieda fid-domanda li jista’ jkun hemm.
Waqt żjara li għamel fil-maħżen prinċipali tas-Central Procurement and Supplies , id-deputat Prim Ministru, Chris Fearne saħaq li filwaqt li l-ministeru tas-saħħa huwa ffukat fuq il-ġlieda tal-pandemija Coronavirus, ix-xogħol u l-investiment fuq aspetti oħra tas-settur tas-saħħa ma waqafx.