Tnieda l-proġett Robotica Nation, li qed isir b’kollaborazzjoni bejn il-Gvern u s-settur privat. Dan il-kors li nħoloq mill-kumpanija TCTC qed isir b’kollaborazzjoni bejn is-Segretarjat Parlamenti għall-Gvern Lokalli u Komunitajiet flimkien mad-Dipartiment għall-Gvern Lokali u l-Kunsilli Lokali ta’ Bormla, l-Isla, l-Birgu, l-Kalkara u x-Xgħajra.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet, Silvio Parnis, attenda għat-tnedija tal-kors. Fih tmien gimgħat u qed isir matul is-sajf kollu. Ikopri 16-il siegħa ta’ tagħlim fuq bini u programmar tar-Robot kif ukoll Hour of Code, li hija inizzjattiva tal-Unjoni Ewropea biex tkattar l-informatika kreattiva u teknika fost it-tfal, minn eta daqshekk zgħira.
Madwar 1,400 student se jattendu dan il-kors ta’ tmien gimgħat matul is-sajf kollu. S’issa applikaw bejn 35-40 tifel u tifla mill-Kottonera.
Silvio Parnis qal li s-Segretarjat ħass il-ħtieġa li jagħti din l-opportunità biex fi-Konttonera l-kors jigi offrut b’xejn. “Dan huwa eżempju ċar ta’ sħubija pubblika mal-privat, għal vantaġġ tal-kommunitajiet u taċ-ċittadini kollha.”, qal is-Segretarju Parlamentari Parnis. Huwa kompla jgħid li hija wegħda tal-Gvern li jippromovi dawn l-inizjjattivi edukattivi fost il-kunsilli lokali, biex mhux biss nipprovdu dak it-tagħlim meħtieġ, imma wisq aktar naħdmu qrib ic-ċittadin, finanzjarjament u fiżikament, billi niftħu l-bibien tal-kunsilli Lokali tal-pajjiż għal inizjattivi bħal dawn.
Parnis qal li huwa impenn bħala Segretarjat Parlamentari għall-Kunsilli Lokali u komunitajiet, li jkunu allokati flus għal dawn it-tip ta’ inizjattivi mhux biss għat-tfal, imma anke għaż-żgħażagħ, għan-nisa tad-dar, għal adulti b’mod generali, kif ukoll għall-anzjani. Hekk verament inkunu qed inxerdu aktar tgħalim u ġid fost il-poplu tagħna.
Is-Segretarju Parlamentari Parnis ħeġġeġ biex aktar tfal u ġenituri jinteressaw ruħhom biex fil-futur dawn it-tfal u z-żgħażagħ ikunu huma li jokkupaw l-opportunitajiet tal-impjigi ma’ kumpaniji barranin u stabbiliti li qed jiġu jinvestu f’pajjizina, għax qed jaraw il-potenzjal kbir li toffri Malta f’kull qasam, mhux l-anqa l-industrija tal-gaming.