Pillpick. Sistema robotika li se twassal il-mediċina lill-pazjent li jkun rikoverat fl-isptar Mater Dei, f’temp ta’ tleit minuti u nofs. Id-dettalji dwar dan il-proġett tħabbru f’konferenza tal-aħbarijiet mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-saħħa Chris Fearne. Il-proġett b’investiment ta’ €12-il miljun se jsir minn konsorzju ta’ kumpaniji barranin.
Malta se tkun fost pajjiżi fid-dinja li se ddaħħal din is-sistema robotika li tintuża fi sptarijiet ewlenin, fosthom fl-Italja u fir-Renju Unit.
Il-konsulent maniġerjali fil-Ministeru għas-Saħħa, Mike Farrugia, spjega kif se jaħdem dan il-proġett. B’kollox se jkun hemm żewġ robots fil-imħażen tal-mediċina, żewġ robots kbar fl-ispizerija ta’ Mater Dei u 18-il robot ieħor madwar l-isptar Mater Dei.
Meta t-tabib jikteb ir-riċetta lill-pazjent, din se tiġi analizzata minn software li se jara bosta ħwejjeġ foshtom il-piż tal-pazjent, x’pilloli oħra qiegħed jieħu, l-età, u fuq kollox il-mediċina li t-tabib ordnalu taqbilx mal-pazjent.
“Kif tapprova, is-sistema tmur f’kompjuter bl-isem u tagħmilhom f’ring, u l-mediċina tkun għand il-pazjent, bin-nurse tiċċekkja l-ID wkoll”.
Dan il-proġett se jieħu madwar tliet snin biex jitlesta, fejn se jsiru studji u analiżi tas-sostenibbiltà tal-proġett.
Fis-sena 2020, se tintagħżel sala għall-proġett pilota u jsir taħriġ għall-professjonisti mediċi. Huwa maħsub li sa Diċembru 2020, is-swali kollha fl-isptar Mater Dei ikollhom din is-sistema. Bil-ħsieb ikun li din is-sistema, la darba titħaddem tkun anke fl-Isptar Monte Carmeli.
Is-sistema se tnaqqas l-iżbalji li jistgħu isiru u l-ħela tal-mediċini li jista’ jkun hemm. Minn analiżi li kienet saret, irriżulta li fl-Isptar Mater Dei u l-Isptar Boffa nħlew mediċini u affarijiet mediċi, li kienu jammontaw għal €2 miljun:
“Il-mediċini peress li qegħdin ġo tube waħda, jekk it-tabib ibiddel il-mediċini jew inkella pazjent jitlaq mill-isptar, il-mediċini imorru ġo tube”.
Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li l-Ministeru għas-Saħħa dejjem idaħħal sistemi ġodda biex il-pazjent jibbenefika mill-aħjar teknoloġija. Qal ukoll li din is-sistema se żżid l-effiċjenza u toffri servizz aħjar lill-pazjenti:
“Ilbieraħ niedejna klinika għal persuni trans, investejna fil-kardjoloġija, u qegħdin nagħmlu investiment ieħor”.
Dan il-proġett tħabbar tlett ijiem wara li l-ġurnal awtorevoli internazzjonali The Lancet kklassifika l-qasam tas-saħħa f’pajjiżna fid-disa’ post fost 195 pajjiż. Dan meta analizza fost l-oħrajn kemm is-servizzi u l-mediċini huma aċċessibbli għall-poplu, il-listi ta’ stennija, l-affordabilità u s-sostenibbiltà.