Roberto Mancini se jkun il-kowċ il-ġdid tat-tim nazzjonali tal-futbol tal-Italja.
It-Taljan ta’ tlieta u ħamsin sena aċċetta kuntratt ta’ sentejn u li permezz tiegħu se jieħu post Gian Piero Ventura, li tneħħa mill-kariga wara li l-Italja falliet milli tikkwalifika għat-Tazza tad-Dinja.
Dan se jkun l-ewwel impenn internazzjonali għal Mancini, li rriżenja minn kowċ tal-klabb Russu Zenit St Petersburg sabiex ikun jista jmexxi lit-tim Taljan.
Fil-passat, huwa mexxa diversi klabbs prominenti fuq livell domestiku, fosthom Lazio, Inter, Manchester City u Galatasary.
Fost l-unuri li rebaħ hemm tlett kampjonati Taljani ma’ Inter, kampjonat Ingliż ma’ Manchester City, erba Coppa Italia u darba l-FA Cup.
Meta kien għadu plejer, rebaħ diversi unuri ma’ Sampdoria u Lazio.