Il-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, ġabet diversi skużi biex tipprova tbenġel għalxiex konvenjentement għażlet li ma tattendix imqar darba fl-attivitajiet tal-EuroPride organizzati fuq għaxart ijiem f’pajjiżna, avolja għażlet li tiġi tindirizza mass meeting tal-Partit Nazzjonalista fl-okkażjoni tal-festi tal-Indipendenza.
Tali nuqqas tagħha fiċ-ċelebrazzjonijiet internazzjonali tal-EuroPride, ġie nnotat fuq il-midja soċjali kemm mill-Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista u Deputat Randolph Debattista kif ukoll il-Viċi President tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi u Membru Parlamentari Ewropew Laburista Alex Agius Saliba.
Huma rrimarkaw li, anke jekk fi Brussell tiddandan tippoża ma’ organizzazzjonijiet favur id-drittijiet tal-komunità LGBTIQ+, Metsola ma sabitx titjira biex tiġi timmarka sehemha wkoll f’xi ħaġa daqstant kbira f’pajjiżna stess.
Indikaw li din aktarx kienet mossa kkalkulata biex ma tinbagħadx mal-Konservattivi fil-Partit tagħha stess, li f’Ġunju li ġej se jkollha bżonn il-voti tagħhom.
F’korrispondenza mibgħuta mill-Kap tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta, ingħad li, waqt li hi ma kinitx mistiedna għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-EuroPride, Metsola ma setgħetx tattendi minħabba impenji fil-Ġappun, fi Franza u fl-Istati Uniti tal-Amerka.
In-nuqqas ta’ Metsola fl-akbar dimostrazzjoni tal-LGBTIQ+ fl-Ewropa mhux biss ġie nnotat ukoll bi prominenza mill-midja lokali, iżda saħansitra mis-sit awtorevoli Ewropew Politico, fejn ħareġ il-faċċjoliżmu tal-President tal-Parlament Ewropew.
Wara li b’mod evidenti, il-President tal-Parlament Ewropew spiċċat tara kif se ġġaħġaħha, ordnat tweġiba bbażata fuq żewġ skużi primarji – dik li hi ma kinitx mistiedna biex iddawwar l-attenzjoni fuq l-organizzazzjoni tal-EuroPride u, agħar minn hekk, elenkat numru ta’ impenji li kellha u li kienu aktar importanti milli tkun preżenti mal-komunità LGBTIQ+ f’pajjiżna.
L-iskuża li ma kinitx mistiedna għall-EuroPride hi wkoll redikola, mhux biss għall-fatt li l-attivitajiet tal-EuroPride ma kienu jeħtieġu l-ebda stedina, iżda, aktar minn hekk, bi kliemha stess, lanqas kienet mistiedna mill-Forum Opportunitajiet Indaqs Partit Nazzjonalista, li organizza diskussjoni fl-attivitajiet tal-Europride. F’din l-attività tal-Partit Nazzjonalista stess, mank bagħtet messaġġ virtwali.
Ipprovat tiskuża ruħha wkoll għaliex, skontha, kellha ħafna impenji matul l-għaxart ijiem tal-Europride ta’ din is-sena bejn is-sebgħa u s-sbatax ta’ Settembru.
Hawn issemmew tliet impenji politiċi internazzjonali, inkluż is-sehem tagħha fl-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda li seħħ wara li kienu diġà għaddew l-għaxart ijiem tal-EuroPride. Fil-fatt, waqt li hi ma ħaditx sehem fl-Assemblea Ġenerali qabel id-19 ta’ Settembru, tlett ijiem qabel, jiġifieri fis-16 ta’ Settembru, dakinhar li sar il-Pride March f’Malta, Metsola ħadet gost tavventura ddur il-belt ta’ New York.
Impenji oħrajn, li jissemmew fil-korrispondenza uffiċjali tagħha, jinkludu wkoll is-Summit tal-Kelliema tal-G7 fil-Ġappun, li indirizzatu fit-8 ta’ Settembru, u s-seduta tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu li saret fit-13 ta’ Settembru.
Minkejja dan, bejn dawn il-ġranet u fl-ivvjaġġar kollu tagħha ma sabitx ċans tieqaf f’pajjiżna għal okkażjoni xierqa li kien jistħoqqilha li tkun preżenti wkoll.
Madankollu, kif kulħadd jaf irnexxielha tinfilsa fid-djarju tagħha l-attività politika tal-Partit Nazzjonalista fi Pjazza Tritoni l-Erbgħa, b’rabta mal-festi tal-Indipendenza.
Fil-korrispondenza tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta, ġie ddikjarat li, f’dik li sejħitilha ‘l-ewwel opportunità’, il-Ħamis se tkun qed tattendi għal esebizzjoni b’rabta mal-EuroPride, li ironikament jisimha ‘Ir-riħ jonfoħ… mewġ f’kull direzzjoni’.
Sadanittant, Roberta Metsola wkoll sabet il-ħin biex torganizza attività politika b’risq il-kampanja tagħha f’Malta u li se tkun qed itellagħha proprju l-għada tal-Indipendenza.
Titwila fuq il-paġni soċjali uffiċjali tal-President tal-Parlament Ewropew tul l-għaxart ijiem tal-EuroPride faċli tinnota aktar minn ħamsa u għoxrin post dwar temi varji, imma lanqas waħda dwar l-attivitajiet li kienu għaddejjin f’pajjiżna.
Filwaqt li dan isostni l-akkużi fil-konfront tagħha li n-nuqqas tagħha f’Malta kienet mossa kkalkulata, jistona wkoll mad-dikjarazzjoni li ħarġet bi tweġiba fejn tenniet li hi alleata kbira favur id-drittijiet tal-komunità LGBTIQ+.
Fil-fatt, f’dan ir-rigward, Metsola wkoll ġiet imfakkra bid-dikjarazzjoni li kienet għamlet seba’ snin ilu f’intervista fuq l-istazzjon nazzjonali waqt il-programm ‘Dissett’.