L-attivisti għall-paċi kkundannaw lill-President tal-Parlament Ewropew li, biż-żjara tagħha f’Iżrael fl-aħħar tas-sena li għaddiet, iffaċilitat ġenoċidju li seħħ fil-Medda ta’ Gaza.
Studenti f’Malta u f’pajjiżi Ewropej ipprotestaw kontriha, iżda Roberta Metsola qed tinsisti li m’għamlet xejn ħażin u, f’okkażjoni rari fejn ONE News sabha u seta’ jistaqsiha d-domandi, qalet li f’Iżrael marret biex issalva l-ħajjiet.
Qalet, “Jiena mort biex nassigura li l-ħajjiet ikunu salvati.”
Metsola kienet fost tal-ewwel li libset l-ilbies ta’ dawk li jmorru fil-gwerra, tippoża għar-ritratti u tappoġġja lil Iżrael. Minn hemm ’il quddiem, Iżrael mar fuq attakk aħrax li ħalla għexieren ta’ eluf vittmi mejta, inkluż trabi, tfal u nisa, waqt li oħrajn kellhom jaħarbu minn djarhom. Dan l-aġir ġab il-kundanna ta’ ħafna.
Studenti fi Vjenna qalu li Metsola għandha idejha mċappsin bid-demm tal-vittmi innoċenti u, filwaqt li injorathom, ħarġuhom ’il barra mis-sala bil-pulizija.
Din mhix l-unika kundanna u protesta lejn l-istituzzjoni u anke kontra l-President tagħha, Roberta Metsola, hekk kif, fi protesti mifruxin madwar l-Ewropa kollha, inkluż barra l-Parlament Ewropew, ġew akkużati li huma responsabbli għall-massakru f’Gaza.
Bħall-istudenti Awstrijaċi, f’Novembru li għadda, Roberta Metsola ntlaqgħet minn grupp ta’ studenti fl-MCAST f’Raħal Ġdid, li akkużawha li hi responsabbli għall-ġenoċidju mwettaq fuq il-Palestinjani fil-Lvant Nofsani.
Dakinhar Metsola spiċċat ħarbet mill-istudenti u anke mill-ġurnalisti billi ħarġet mill-garaxx ta’ taħt l-art tal-istess kulleġġ.
Staqsejniha jekk jiddispjaċihiex mill-pożizzjoni li ħadet, imma hi nsistiet li bil-pożizzjoni tagħha salvat il-ħajjiet.
Qalet, “Favur il-ħajja, favur il-ħajja u l-Parlament Ewropew dik hi l-aktar ħaġa importanti.”
Din kienet waħda minn ftit okkażjonijiet fejn Metsola wieġbet domandi tal-ġurnalisti f’intervisti mhux ippjanati, jew imħallsin, bil-Ħadd li għadda xtrat magażin tat-Times of Malta biex tgħid li hi “l-uniku tama għal Malta”.
Fl-istess ħin, għażlet li ma tiddibatti mal-ebda wieħed mill-kandidati tal-Parlament Ewropew.