Membri fil-qalba tal-assoċjazzjoni, li tħares aħjar il-governanza u t-trasparenza. Hekk qiegħed iwiegħed il-kandidat għall-president tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol, u l-President tal-klabb ta’ Santa Luċija FC Robert Micallef.
Fit-tnedija tiegħu, Micallef spjega li dejjem kellu l-ħolma li jikkontesta din il-pożizzjoni tant prestiġġjuża fil-football lokali, fejn qal li ħass li kellu jagħmel dan il-pass iktar minn qatt qabel għaliex skontu wasal iż-żmien li jkun hemm bidla.
F’konferenza mal-ġurnalisti, Micallef spjega l-viżjoni tiegħu fejn qal li dawn l-ideat se jitwettqu permezz tal-membri kollha li jagħmlu parti mill-Assoċċjazzjoni Maltija tal-football fosthom, is-supporters, il-klabbs u diversi voluntira li jagħmlu l-football Malti.
“Wasal iż-żmien biex isir bidla. Għadna bżonn nagħtu lura l-Assoċjazzjoni lill-membri tagħha għadna bżonn naħdmu id f’id magħhom, għadna bżonn nikkreaw motivazzjoni ġdida u propju l-programm tiegħi huwa ibbażżat fuq hekk li flimkien nagħtu u naħdmu biex ngħollu l-football malti fuq il-livell li jmiss.”
Waħda mill-proposti li għandu Micallef hija diskussjoni mal-istakeholders kollha, fosthom il-klabbs, il-kowċis u l-players, dwar il-possibbiltà ta’ tim ta’ taħt id-dsatax-il sena li jkun jista’ jipparteċipa fiċ-Challenge League kontra t-timijiet l-oħrajn, biex ikunu jistgħu iġibu l-esperjenza li jilgħabu f’tournament kompettitiv.
Dwar it-tim nazzjonali, Micallef spjega li hu impenjat li jimplimenta pjan strateġiku ffukat fuq it-titjib tal-klassifika tal-FIFA. Hawn spjega li dan il-pjan jinvolvi analiżi bir-reqqa, viżjoni fit-tul u strateġiji sostenibbli mmirati lejn il-kisba ta’ progress li jista’ jitkejjel maż-żmien.
Fuq l-infrastruttura, Micallef spjega li l-idea tiegħu hija li ssir investiment fuq il-grawds li hemm bħalissa sabiex ikunu jistgħu jintlagħbu logħob tal-kampjonati kollha.