F’nofs kampanja għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista, Robert Arrigo ħabbar li se jkun qed jirreżenja minn teżorier tal-partit. Il-Viċi Kap tal-Parit Nazzjonalista ħabbar dan propju fuq l-istazzjon tar-radju Nazzjonalista fil-jum tat-Tlieta.
Huwa qal li ma jiflaħx aktar għal attakki ġejjin min nies fi ħdan il-Partit Nazzjonalista. Saħansitra semma persuna li bagħtlu messaġġi għal tliet mija u ħamsin darba.
Fl-intervista fuq ir-radju Nazzjonalista, Arrigo qal li talab lill-eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista biex isib lil xi ħaddieħor biex jeħodlu postu bħala teżorier. Robert Arrigo sar kaxxiet tal-Partit Nazzjonalista wara r-riżenja ta’ Antoine Zammit madwar sena ilu u l-partit kien baqa’ ma sab lil ħadd jimla’ kariga importanti fl-istrutturi tal-partit.
Zammit kien dam biss mill-Milied sa San Stiefnu fil-kariga wara li ONE News kixef kif kien tella’ filmati fuq Youtube wara li l-kaxxa li tipprovdi xandir illegali ta’ eluf kbar ta’ stazzjonijiet waqfet turi l-films pornografiċi. Intant, fi Frar li għadda Arrigo kien ħabbar ukoll li kien se jirreżenja minn Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista wara li qam diżgiwd intern fil-grupp parlamentari bejn il-fazzjoni ta’ Simon Busuttil u dik ta’ Delia.
Iżda Arrigo kien biddel fehmtu u qal li se jibqa’ jokkupa din il-kariga. F’ittra ta’ riżenja li kien kiteb u ppubblikaha, Robert Arrigo akkuża lid-deputati mill-fazzjoni tal-eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil li biex ikeċċu lil Adrian Delia minn Kap tal-Partit Nazzjonalista spiċċaw farrku Partit.
Arrigo kien qal li minkejja l-ostakli li sab mill-grupp parlamentari, irnexxielu jiġbor biżżejjed għall-operat tal-Partit u s-salarji tal-ħaddiema fl-istamperija.