Il-Viċi Kap tal-Partit Nazzjonalista, Robert Arrigo, kien viċin li taqbiżlu tant li fl-aħħar jiem kienet laqgħa mal-Kap Adrian Delia li kkonvinċietu biex ma jerġax jisplodi pubblikament.
Min jaf lil Arrigo mill-viċin qalilna li kien fix-xifer li jgħid li ma jridx jibqa’ fil-kariga anke jekk tennew li issa huwa diffiċli li Arrigo jammetti dan pubblikament peress li jidher li l-Kap tah x’jifhem li l-affarijiet jistgħu jitranġaw. Però, fil-Kunsill Ġenerali lbieraħ Robert Arrigo ma qagħadx lura milli juri b’mod ċar li hemm min iridu barra mill-Partit Nazzjonalista. “Inzertajt li jien rasi iebsa,” qal Robert Arrigo li tenna li n-Nazzjonalisti qegħdin iċekknu l-partit jargumentaw lil xulxin. Arrigo żied: “Mhux kollox kien faċli għalija. Kien hemm ħafna nies li bdew jgħajruni. Ġurnalist jitlob li nkun investigat fuq il-ġbir ta’ fondi li kulħadd għandu rċevuta,” żvela Arrigo, b’dak li nafu hu biss dettall żgħir minn ħafna. “Ikollok għażla. Tibqa’ jew titlaq? Għażla diffiċli imma nzertajt rasi iebsa u determinat,” qal Arrigo li tenna li min iridu jitlaq iktar isaħħu. Arrigo kien ċar. “Il-Partit mhu ta’ ħadd. Lanqas tal-Kap,” qal Arrigo li appella biex jintemmu l-Facebook profiles foloz anke min-naħa ta’ membri parlamentari.
Jirriżulta li waħda mill-affarijiet li Robert Arrigo qed tifrustrah huwa l-kunflitt kontinwu mad-Deputat Nazzjonalista u l-President tal-Kunsill Ġenerali Kristy Debono. Debono hija waħda mill-ftit deputati li tagħti l-appoġġ tagħha fil-miftuħ lill-Kap u hija ta’ fiduċja tant li żewġha ċedielu s-siġġu. Dan iwassal biex mhux darba u tnejn jipprovaw jagħtu x’jifhmu li affarijiet li suppost qed jieħu ħsieb Arrigo jidħlu fihom huma.
Minkejja li huwa Viċi Kap, Robert Arrigo m’għandux xi simpatija lejn it-tmexxija ta’ Adrian Delia. Ftit tal-ġimgħat ilu, f’chat ma’ partitarju Nazzjonalist, Robert Arrigo qal li jħossu frustrat bis-sitwazzjoni fil-Partit Nazzjonalista. Qal li Delia jkun waħdu jkun ok, imma n-nies ta’ madwaru problema.
Hawn dlonk semma lil Kristy Debono, lil Jean Pierre Debono u lid-Deputat Herman Schiavone. Qal li jekk il-Partit Nazzjonalista se jkompli bir-ritmu li qabad, se jkun qed jitlef it-tielet siġġu fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.
Is-sorsi tagħna qalulna li raġuni li qed iddejjaq lil Robert Arrigo hi marbuta mas-sitwazzjoni finanzjarja tal-Partit Nazzjonalista.
Sorsi fid-Dar Ċentrali qalulna li Robert Arrigo qiegħed jaħdem ħafna sabiex il-Partit Nazzjonalista jkollu fondi biżżejjed sabiex jibqa’ jiffunzjona. Fost oħrajn billi juża l-kuntatti li għandu fid-dinja tan-negozju biex iġib donazzjonijiet filwaqt li anke joħroġ b’inizjattivi ġodda.
Madankollu, fl-aħħar ġimgħat Arrigo
kien fost dawk id-deputati li beda jitħasseb x’qiegħed isir bil-flus li jiġbor il-partit u li jippretendi rendikont aħjar.
Jidher li għalissa Delia rnexxielu jevita li l-Viċi Kap jerġa’ jisplodi pubblikament. Ftit nifs fil-ġimgħa li ħabbar li se jitlaq għalkollox mill-Partit Nazzjonalista Ivan Bartolo, dak li kien kandidat fl-aħħar elezzjoni ġenerali u li Delia ħatru biex imexxi l-proġetti mal-finanzjament tal-partit.