Il-ftaħir ta’ Robert Arrigo bl-iskema sigrieta taċ-ċedoli kompla l-Ħadd filgħodu.
Meta kien qed jindirizza l-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, il-Viċi-Kap Nazzjonalista ddedika kważi d-diskors kollu għal din l-iskema ta’ self sigriet.
Arrigo reġa ftaħar li ffirma mal-100 ċedola fl-aħħar ġimgħat, filwaqt li ddikjara li ċ-ċedoli m’humiex fl-interess pubbliku.
“Iċ-ċedoli m’għandhomx ikunu ta’ interess pubbliku”
L-iskema sigrieta taċ-ċedoli hija waħda li qed tiffinanzja d-dejn kbir li għandu bħalissa l-partit tal-maduma.
Skema li bdiet fl-2016 u li l-ismijiet ta’ min ta ċ-ċedoli baqgħu mhux ippubblikati.
B’Arrigo għal darba oħra jiftaħar li l-iskema tgħaddi baxx baxx mil-liġi tal-finanzjament tal-Partiti.
“Dawn iċ-ċedoli huma mhux qegħdin fil-liġi tal-finanzjament tal-partiti”
Biex jiġġustifika d-dejn kbir li għamel il-Partit f’tal-Pietà għal snin twal, b’mod speċjali l-Media tal-Partit, Arrigo reġa fetħilha u attakka t-tmexxija preċedenti mmexxija minn Simon Busuttil.
“Tliet snin ilu sibnihom kienu qed jitilfu 1.3 million fis-sena, sussidjati bil-flus tal-Partit Nazzjonalista.”
Minbarra ċ-ċedoli, il-Partit Nazzjonalista beda’ jbigħ bottijiet tal-kafè, nofs tużżana bajd, laned tat-tonn taż-żejt u tal-kunserva u ħobża mqatta’ fl-iskema tax-xirjiet.
Inizjattivi li Arrigo deher jagħmel referenza għalihom meta ddikjara li l-Partit se jibda jagħmel il-profitti.