Jumejn wara li l-Kap Nazzjonalista Bernard Grech giddeb lill-eks Viċi Kap Nazzjonalista fuq l-allegazzjonijiet li huwa twarrab mill-Partit Nazzjonalita, Robert Arrigo ħareġ jispara lura u din id-darba kien imiss lilu biex iggiddeb lil Kap tiegħu stess.
L-Erbgħa filgħodu, fuq Facebook, Robert Arrigo kiteb kif ir-rapport intern mill-Kummissjoni Etika Dixxiplina u Midja Soċjali tal-Partit Nazzjonalista fil-konfront ta’ Ann Marie Muscat Fenech Adami tlesta xhur ilu.
Dan minkejja li f’mistoqsijiet li għamlet din il-kamra tal-aħbarijiet, seba’ xhur wara li ttellaq dan ir-rapport, Bernard Grech prova jbella’ r-ross bil-labra u qal li dan għadu mhux lest.
Kien qal, “Hekk kif jiġi konkluż il-proċess statutorju tal-Partit Nazzjonalista fuq dan il-proċess.”
F’Diċembru tal-2021 il-Partit Nazzjonalista ħareġ stqarrija li fiha talab lil Ann Marie Muscat Fenech Adami tirriżenja minn Sindku minħabba dak li ssejjaħ kunflitt ta’ interess mhux dikjarat. Dan l-allegat kunflitt ta’ interess kien jinvolvi proġett ta’ żewġ torrijiet ta’ 10 sulari u 8 sulari rispettivament f’dak li kien il-parkeġġ tat-trade fair fin-Naxxar.
Madankollu, Muscat Fenech Adami, b’reazzjoni, akkużat lill-Kap Bernard Grech b’logħob politiku mhux ibbażat fuq il-fatti u sfidatu billi baqgħet iżżomm il-pożizzjoni tagħha.
Sadattant, fuq struzzjonijiet ta’ Bernard Grech innifsu, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Michael Piccinino, qal li s-Sindku tan-Naxxar kienet se tittella’ quddiem il-Kummissjoni għall-Etika u Dixxiplina tal-Partit Nazzjonalista.
Madankollu, kwalunkwe żvilupp dwar dan il-proċess, li issa dieħel fit-tmien xahar tiegħu, baqa’ mistur fid-Dar Ċentrali.
Dan għaliex skond Robert Arrigo, il-Kap, wara li għaġġel u talab għar-riżenja tas-Sindku tan-Naxxar, ma għoġbux ir-riżultat mill-Kummissjoni fi ħdan il-Partit tiegħu stess.
Dwar dan il-każ, is-Sindku Nazzjonalista tan-Naxxar ma’ ONE News ukoll kienet ilmentat li ħadd mill-Partit Nazzjonalista ma kien kellimha dwar is-sitwazzjoni tagħha filwaqt li ħassitha dispjaċuta ħafna dwar dan.
Ġurnalist: “Jiddispjaċik li daħħluk f’din is-sitwazzjoni u qatt ma reġgħu tkellmu dwarha?
Anne Marie Muscat Fenech Adami: “Iva, ħafna. Jien qiegħda f’pożizzjoni li għadni le, ma nafx”
Intant jekk kien għad hemm dubju dwar il-ġlied, l-intriċċi u l-firda li għadha tiddomina fil-Partit Nazzjonalista, Robert Arrigo xejjen dan kollu permezz tal-kitba tiegħu fuq Facebook.
Dan hekk kif fl-istess stqarrija tal-Erbgħa filgħodu huwa zzufjetta bil-Kap Bernard Grech għal prestazzjoni tiegħu waqt intervista mal-ġurnalist Savior Balzan.
Il-mod kif wieġeb il-mistoqsijiet Bernard Grech, skond arrigo kien patetiku.
Arrigo rrimarka wkoll il-fatt li l-Kap Bernard Grech qatt ma jerfa’ r-responsabbiltà. B’ton sarkastiku tenna li Grech qatt ma jkollu tort lanqas għal prestazzjoni orribbli fl-elezzjoni ġenerali.
Fil-fatt hawn, Arrigo qal li nies oħra qablu rriżenjaw wara riżultat mhux diżastruż daqs tal-aħħar elezzjoni ġenerali.
Fl-aħħar Robert Arrigo temm reġa’ jakkuża lil Bernard Grech b’gideb u indika li saħansitra qed jitlob għar-riżenja tiegħu.