F’intervista mqanqla mas-Sunday Times of Malta, l-eks Viċi Kap u deputat tal-Partit Nazzjonalista, Robert Arrigo qal li, issa li m’għadx għandu kariga fil-partit, iħoss li għandu jgħid il-verità lin-nies.
Huwa lmenta li l-uġigħ li kkawżalu l-partit tiegħu stess fl-aħħar sentejn huwa agħar mill-uġigħ li qed iħoss kaġun tal-kanċer li nstablu ħames ġimgħat ilu.
“Naħseb il-weġgħat li saru huma ikbar li qed inħoss issa fil-cancer, personali għax inħobb il-partit. Għadni nħobbu l-partit. Irrid nirrangah u mhux inkissru. Ippruvajt minn ġewwa, ma rnexxiliex. Tajt kollox għall-partit jien, inkluż saħħti llum.”
Arrigo qal li, wara li lill-Partit Nazzjonalista tah kollox, iweġġa’ ħafna li jara lill-partit tiegħu jegħreq, kif qed jagħmel.
Wissa wkoll li hemm “mijiet” ta’ nies oħra li wkoll twarrbu bħalu fl-aħħar sentejn u saħaq li dawn għandhom jitwemmnu meta jitkellmu fil-pubbliku dwar l-esperjenzi tagħhom fil-partit.
Huwa rrimarka li qatt ma jiftakar lill-Partit Nazzjonalista jiġġieled ma’ daqstant nies.
ROBERT ARRIGO: “Hemm mijiet, f’dawn is-sentejn, li twarrbu”
ĠURNALIST: “Dawn in-nies kollha li ħarġu fuq Facebook jew irrizenjaw mill-partit jew qalu li twarrbu. Dawk veru?”
ROBERT ARRIGO: “Yes, għandhom raġun. Il-partit qatt ma nafu li ġġieled ma’ tant nies.”
Arrigo, li għandu sebgħa u sittin sena, tenna li malli laħaq Kap Bernard Grech beda jwarrbu.
Semma li, ftit jiem qabel l-elezzjoni li saret biex jitqaċċat Adrian Delia minn Kap – elezzjoni li fiha Arrigo kien se jivvota favur Delia u qal lil Grech b’dan – Grech kien talbu jmur għandu u jagħtih ideat dwar kif il-Partit Nazzjonalista jista’ jingħaqad.
Iżda jum wara li ġie elett Kap, Grech reġa’ ċempillu u qallu li kien se jgħaddi r-responsabbiltà tal-finanzi tal-partit, li kienet fi jdejh, lil ħaddieħor. Qallu wkoll li kien se jagħmel l-istess bil-programm taż-żjarat fid-djar tan-nies, li kien bdieh Arrigo, u bl-iskemi u s-sħubiji li wkoll kien responsabbli minnhom hu.
Wara dawn l-iżviluppi, Arrigo sab li, prattikament, Bernard Grech kien ħallieh bla responsabbiltajiet.
Arrigo qal lit-Times li kien ikollu l-uffiċċju mimli bin-nies, iżda f’temp ta’ 15-il jum minn mindu ltaqa’ ma’ Bernard Grech, l-uffiċċju tiegħu żvojta għal kollox. Baqa’ jiftaħ l-uffiċċju għal 15-il ġurnata, bit-tama li jkollu xi ħaġa x’jagħmel, iżda s-sinjal kien evidenti li ma riduhx aktar hemm.
Arrigo qal li l-qagħda kompliet tmur għall-agħar maż-żmien u tenna l-akkuża li għamel waqt l-aħħar kunsill ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, li t-tmexxija tal-Partit qaltlu li huwa kien tajjeb biss biex jiġbor il-flus. Mistoqsi jekk Bernard Grech kienx qallu hekk ukoll, huwa wieġeb li, naturalment, Bernard Grech huwa parti mit-tmexxija.
ROBERT ARRIGO: “Kienu jgħiduli tajjeb biss biex tiġbor il-flus.”
ĠURNALIST: “Meta qed tgħid kienu jgħidulek din il-ħaġa, it-tmexxija tal-partit?”
ROBERT ARRIGO: “Ehe, il-kbarat hu.”
ĠURNALIST: “Bernard Grech wieħed minnhom?”
ROBERT ARRIGO: “Bernard Grech parti mit-tmexxija, yes.”
Arrigo tenna li kultant ma kinux iħalluh jidħol f’ċerti partijiet tal-każini tal-partit, li ma kellux aċċess għall-infomazzjoni, ma kienx jiddaħħal fil-laqgħat, u fil-kampanja elettorali twarrab għal kollox.
Huwa lmenta li, minkejja dan kollu, baqa’ jaħdem u baqa’ leali lejn il-partit filwaqt li baqa’ kontinwament jesprimi l-weġgħa u t-tħassib tiegħu fi ħdan l-istrutturi tal-partit kif ukoll ma’ Bernard Grech innifsu. Madanakollu, xejn qatt ma tjieb.
“Il-mistoqsija ewlenija hija għalfejn jien ġejt imwarrab f’dawn l-aħħar sentejn. Kont niltaqa ma’ Bernard, insaqsih, imma qatt ma mxejna ‘l quddiem fuqha. Ħadd m’għandu tort, ħadd ma jrid jgħidli u allura ħassejtni li wara li kont tkellimt ġewwa, jiġifieri ma ħriġtx barra minn jeddi. Imma Facebook kienet, dak id-diskors, kien l-unika mod li forsi nibdew nisimgħu.”
Arrigo qal li, minkejja dak kollu li għamlulu, mhux bi ħsiebu jirriżenja, la mill-parlament u lanqas mill-partit.
Żied li l-affarijiet fil-Partit Nazzjonalista jridu jinbidlu u trid tittieħed azzjoni anki jekk Bernard Grech jibqa’ Kap – turija oħra ċara li fost l-attivisti tal-Partit bdiet diskussjoni biex Grech jitneħħa minn postu bħalma kien sar lil Adrian Delia.
Arrigo qal ukoll li l-Partit għad irid jagħmel eżerċizzju fuq skala kbira u profond li jwasslu biex jaċċetta b’umiltà t-telfa elettorali massiva li ġarrab u jagħraf it-triq ’il quddiem.
“U action has to be taken, even if Bernard stays, action has to be taken. U l-partit mhux magħqud.”
Huwa afferma li jemmen li Bernard Grech għandu jirriżenja wara li fuq ix-xandir nazzjonali gideb dwar il-każ tas-sindku Nazzjonalista tan-Naxxar.
Filwaqt li fakkar li Bernard Grech kien ried li s-sindku tirriżenja mill-kariga, qal li l-Partit kien żamm il-konklużjoni tal-Bord tad-Dixxiplina, l-Etika, u l-Midja Soċjali tal-Partit Nazzjonalista dwar il-każ mistura biex ma jiġix imbarazzat Grech qabel l-elezzjoni minħabba li l-Bord irrakkomanda biss li jista’ jasal sa twissija.