Il-Viċi Kap Nazzjonalista Robert Arrigo naqas milli jgħid jekk għandux fiduċja fil-Kap Nazzjonalista Bernard Grech.
Huwa naqas milli jagħmel dan f’intervista mal-gazzetta ILLUM fil-ħarġa tal-Ħadd. Intervista mifnija b’botti sottili lejn Bernard Grech innifsu u t-tmexxija attwali tal-Partit Nazzjonalista.
Dan speċjalment wara l-akbar telfa elettorali tal-Partit Nazzjonalista fl-istorja ta’ Malta sovrana.
L-ILLUM staqsiet lil Robert Arrigo, fost affarijiet oħra, dwar id-deċiżjoni li Bernard Grech jerġa’ jitfa’ ismu bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Kien hawn li waslet l-ewwel botta ta’ Arrigo fuq Grech, meta qal li, fil-każ tiegħu huwa ħa ħmistax il-jum biex jieħu d-deċiżjoni li eventwalment ma jibqax Viċi Kap Nazzjonalista.
Botta ċara għal Bernard Grech li, ftit ħin wara r-riżultat elettorali tal-aħħar elezzjoni ġenerali, għamilha ċara li mhux se jerfa’ r-responsabbiltà u jerġa’ jitfa ismu għall-kariga ta’ Kap Nazzjonalista.
Qal, “Ser nibqa’ hemm, ser nibqa’ nagħti s-servizz tiegħi, ser nibqa’ nagħti ħilti kollha. U għalhekk fil-ġimgħat li ġejjin jien ser inmur quddiem l-istrutturi tal-partit biex nitlob mandat b’saħħtu biex nibqa’ nmexxi lil Partit Nazzjonalista biex flimkien noffru Gvern alternattiv fis-snin illi ġejjin.”
Mistoqsi b’mod dirett jekk Bernard Grech għandux jibqa’ Kap Nazzjonalista Arrigo qal hekk.
“Dak li jgħid bniedem irid jikkjarifikah hu jekk huwa konvint li hekk l-aħjar. Trid tmur quddiem il-mera u tgħid: jiena x’inhu l-aħjar li nagħmel?”
Intant Robert Arrigo kompla jesprimi d-dispjaċir tiegħu għall-aħħar riżultat elettorali tal-Partit Nazzjonalista. F’botta ċara lejn l-establishment Nazzjonalista spjega li hemm xi ħaġa ħażina ħafna u trid tiġi analizzata mhux min-nies tas-soltu, li jaħsbu li huma l-oraklu.”
Huwa reġa’ għamilha ċara li qatt ma’ kien involut fil-kampanja elettorali tal-Partit Nazzjonalista.
Robert Arrigo tkellem ukoll dwar il-finanzi tal-Partit Nazzjonalista. Dan fl-istess jum li Bernard Grech ħabbar li l-Partit għandu 32 miljun ewro f’dejn.
Kien hawn li Arrigo sostna l-ħidma tiegħu biex jgħin lill-finanzi tal-Partit Nazzjonalista.
F’botta ċara lit-tmexxija attwali għad-dejn kbir li għandu issa l-Partit Nazzjonalista, Arrigo fakkar kif fi żmienu forsi tqammel imma kellu jieħu deċiżjonijiet iebsa.
Huwa qal: “Forsi tqammilt. Imma kelli nieħu deċiżjonijiet iebsa. Bdejt inħallas tal-passat u f’ħames snin ma kienx hemm impjegat li ttallab għall-paga.”
Fi tmiem l-intervista Robert Arrigo tkellem ukoll dwar l-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia. Kien hawn li Arrigo spara mhux ftit lejn it-tmexxija attwali tal-Partit Nazzjonalista għall-mod ta’ kif ġie trattat Delia.
Dwar Adrian Delia huwa qal hekk.
“Spiċċa wisq taħt attack, mhux bħala Kap imma bħala persuna. Ma stajtx ma nibqax miegħu. Sofra. Kont nistaqsih kuljum jekk iridx ikompli għaddej hekk. Ħareġ xi ħaġa kontra Adrian Delia? Xejn. Tawh u sallbuh biex imbagħad xi ħadd jiffirmalek li minn dak li qal xejn ma kien minnu,” kompla Arrigo b’botta ċara għal Jason Azzopardi.
Mistoqsi jekk dan kellux effett fuq ir-riżultat elettorali tal-Partit Nazzjonalista, Robert Arrigo temm jgħid hekk:
“Affettwa minħabba l-mod kif tneħħa. Għaddew ix-xhur u għadni ddispjaċut b’dak li ġara.”