Waqt intervista fuq il-podcast ta’ Ricky Caruana, in-Nutar tal-Kurja u l-perċimes fl-għaqda estremista Repubblika, Robert Aquilina, żvela kif kien ħuh, Karol, li keċċa lill-eks Ministru Ninu Zammit mill-Partit Nazzjonalista.
Ricky Caruana rrefera għal politiċi fil-PN li kellhom ammonti konsiderevoli ta’ flus mhux iddikjarati barra l-pajjiż. Kien hawn li Robert Aquilina staqsih għal min kien qed jirreferi, b’Caruana jirrispondi “la naf Ninu Zammit u lanqas Austin Gatt”.
Hawn Aquilina jirrispondi “ħija keċċieh mill-Partit Nazzjonalista”.
ONE News jinsab informat minn sorsi fi ħdan l-istess Partit Nazzjonalista li l-President Onorarju ta’ Repubblika kien qed jirreferi speċifikament għal Ninu Zammit.
Zammit, li kien Ministru għal snin twal taħt Gvernijiet Nazzjonalisti u kien meqjus minn bosta bħala pilastru ewlieni tal-Partit fin-naħa t’isfel ta’ Malta, kien spiċċa tkeċċa mill-PN fi żmien it-tmexxija ta’ Simon Busuttil wara li nstab li, snin twal qabel, kellu xi flus barra l-pajjiż.
It-tkeċċija ta’ Ninu Zammit mill-PN kienet ġabet rabja kbira fost votanti u attivisti Nazzjonalisti, speċjalment minn dawk li jiftakruh fl-aqwa tiegħu politikament. Dakinhar, ħafna Nazzjonalisti kienu ħassew li l-PN kien mexa b’mod inġust ma’ Zammit, l-istess kif kien mexa mal-eks Ministru Nazzjonalista Michael Falzon, fuq każ simili.
Iżda, qabel illum, ħadd ma kien jaf li proprju wara d-deċiżjoni tat-tkeċċija ta’ Ninu Zammit mill-Partit Nazzjonalista kien hemm id Karol Aquilina.
B’dak li żvela Robert Aquilina, kompla jikkonferma kemm ħuh, Karol, hu l-Kap veru tal-PN u li l-aħħar kelma ta’ dak li jiġri fil-Partit, inkluż it-tqacc it politiku tal-irjus, hi tiegħu.
Karol Aquilina kien ukoll il-perċimes, flimkien ma’ Beppe Fenech Adami u Jason Azzopardi, biex jitqaċċat minn Kap Adrian Delia, anke jekk kien elett demokratikament mit-tesserati Nazzjonalisti.
ONE News hu informat ukoll li l-istess manuvri passati ta’ Aquilina fil-konfront ta’ Ninu Zammit u Adrian Delia issa qed jinħmew u jiġu attwati fil-konfront tad-Deputat Għawdxi Alex Borg.