Il-President tal-għaqda Repubblika, Robert Aquilina, sebaħ quddiem Kastilja biex jikkritika u jbeżża’ bit-tmexxija tal-Prim Ministru tul l-aħħar sena, b’mod partikolari b’rabta mal-inkjesta pubblika dwar Daphne Caruana Galizia.
Id-diskors li għamel kien simili ħafna għal dak li qal Bernard Grech fl-aħħar jiem, hekk kif qed jidher ċar li Grech reġa’ huwa ddominat mill-fazzjoni ta’ Karol Aquilina fil-Partit Nazzjonalista.
Saħansitra, Robert Aquilina qal li l-Prim Ministru “abdika mir-responsabblitajiet” u kkritika wkoll il-fatt li l-Prim Ministru kien sod fil-ħsieb tiegħu fil-Parlament, meta ddikjara li qatt ma kien se jaċċetta li Malta tissejjaħ “Stat mafjuż”.
Dak ta’ Robert Aquilina quddiem l-Uffiċċju tal-Prim Ministru kien diskors li kkritika d-diversi aspetti tat-tmexxija tal-Gvern, tant li qal li “ma teżisti l-ebda inizjattiva biex tittejjeb il-kapaċità tal-qrati”.
Kien wara din il-kritika kollha, li Aquilina tkellem quddiem kamera tat-televiżjoni fi Pjazza Kastilja fejn saħansitra qal li Robert Abela qed jiżra’ ż-żerriegħa biex l-orrur li għexna nerġgħu ngħixuh.
Huwa temm jgħid li l-Prim Ministru qed jagħmel affarijiet perikolużi.