Il-President tal-għaqda Repubblika Robert Aquilina, ħu d-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina, kien barra d-dar tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat meta kien hemm uffiċjali jwettqu tfittxija fuq ordni tal-Maġistrat Gabriella Vella li qed tmexxi inkjesta Maġisterjali.
Dan żvelah Glenn Bedingfield fil-Parlament u ammettieh Aquilina stess mas-sit Lovin Malta.
Qabel mar Burmarrad, quddiem id-dar ta’ Dr Muscat, Robert Aquilina kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet barra d-Depot f’isem l-għaqda Repubblika.
“Fil-ġurnata ta’ qabel ma marru l-Pulizija, l-Avukati tal-eks Prim Ministru jippreżentaw rikors fil-Qorti u dan ħadd ma kien jaf bih, ħlief l-Avukati, min laqa’ r-rikors u fejn mar ir-rikors. Ftit minuti wara illi jidħol ir-rikors toħroġ notifika ta’ konferenza tal-aħbarijiet illi kienet se ssir l-għada mill-NGO tar-Repubblika quddiem id-Depot tal-Pulizija, bħala devjazzjoni. Kif tispiċċa dik il-press conference, Aquilina jiġri lejn Burmarrad.”
Glenn Bedingfield, il-Whip tal-Gvern
Intant f’konferenza tal-aħbarijiet, dan l-istazzjon staqsa lil ħu Robert Aquilina dwar l-attakk tal-Oppożizzjoni lill-istituzzjonijiet, fosthom meta d-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi attakka ġudikanti sigħat qabel deċiżjoni.
Saħansitra kien hemm ċirkostanza fejn il-Kamra tal-Avukati kienet irrappurtat lil Jason Azzopardi quddiem il-Kummissjoni għall-Amministazzjoni tal-Ġustizzja.
“Meta l-għażiż ħuk mar quddiem l-istituzzjonijiet, u tkun miegħu int ukoll ġieli, dak mhux attakk lejn l-istituzzjonijiet fejn kontu bħala Oppożizzjoni biex tikkritikaw dan u anke Deputat wieħed minn tagħkom l-Onor. Jason Azzopardi li anke jattakka l-istituzzjonijiet saħanistra rajnih fl-aħħar xhur jattakka membru tal-ġudikatura, il-Kamra tal-Avukati toħroġ tikkritika dan l-aġir. Fejn kienet l-Oppożizzjoni biex twiddeb wieħed mill-membri tagħha stess.”
Għal din il-mistoqsija, Karol Aquilina ddefenda lil sieħbu Jason Azzopardi u anki lil ħuh tal-għaqda Repubblika.
“Aħna nitkellmu biex naraw li l-istituzzjonijiet ikunu qed jagħmlu xogħolhom u nħalluhom fil-liberta li jagħmlu xogħol imbasta jagħmlu xogħlhom kif suppost.”
Karol Aquilina, Deputat Nazzjonalista
Bedingfield innota l-pressjoni tal-Partit Nazzjonalista fuq l-istituzzjonijiet.
“L-istituzzjonijiet qegħdin inħalluhom jaħdmu? Meta għandna din il-pressjoni fuq il-ġudikatura, fuq il-Pulizija, l-Avukat Ġenerali, attakki kontinwi fuq l-FIAU, fuq kull min għandu kariga f’dan il-pajjiż illi permezz tagħha jista’ jieħdu d-deċiżjoni. Kulħadd spiċċa fil-mira.”
Glenn Bedingfield, il-Whip tal-Gvern