Hekk kif bdiet l-aħħar ġimgħa elettorali għall-elezzjoni tat-tmexxija tal-Partit, Robert Abela reġa’ appella biex fil-Partit tinżamm l-għaqda u t-tesserati tal-Partit jitħallew fil-libertá jagħmlu d-deċiżjoni ta’ min jaraw l-aħjar, mingħajr l-ebda biża’. F’dibattitu mxandar fuq ONE, Abela qal li fejn hemm l-għaqda hemm is-saħħa, u partit rebbieħ iżomm il-Gvern.
Dr Abela stqarr: “U żgur li rridu nibqgħu maqgħudin, u żgur li hemm bżonn il-kontinwità. Irridu nagħmlu l-bidliet li hemm bżonn, imma biex tagħmel il-bidliet lanqas għandek bżonn li taqta’ l-irjus. U hemm iżżommha l-għħaqda. Li tagħmel bidliet intelliġenti, bidliet effettivi, imma tirrispetta l-kulhadd. Anke jekk persuna tagħmel żball, trid tagħmila l-bidla, tkun kuraġġuż ma tħarisx lejn il-wiċċ, imma m’hemmx għalfejn tagħmel sfreġju jew tweġġa’ lin-nies. U dik hi l-maturità. Dik hi r-responsabiltà. Il-maturità u r-responsabiltà ma ġġibix biż-żmien tal-età, iġġibha bl-esperjenza tal-ħajja.”
Robert Abela qal li baqa’ sal-aħħar sekonda wara l-Prim Ministru, u li bil-fiduċja tiegħu rnexxielu jaħdem fis-skiet iżda b’mod effettiv.
Qal li jekk ikun Prim Ministru, tenna l-impenn tiegħu li l-anzjani tagħna ma jħallsux aktar għall-mediċini. Qal li kull miżura favur l-anzjani hi miżura ta’ ġustizzja soċjali. Semma kif b’miżuri bħal dawn, il-Partit Laburista jista’ jibqa’ kommess li joħloq l-ġid iżda wkoll li jqassmu ma’ dawk l-aktar li għandhom bżonn. Qal ukoll li bil-ġid li ħloqna, ma jistax ikun li l-pagi jibqgħu l-istess. Il-ħaddiem jistħoqqlu paga li ttih dinjitá u sodisfazzjon ta’ xogħlu.
Abela temm jgħid li l-poplu għażel lil Partit Laburista b’5 snin, u li Gvern immexxi minnu se jagħtihom il-mandat kollu.