Il-ħajja politika mhix qiegħda għal xi ambizzjoni personali speċjalment f’dan il-mument partikolari. Aċċenna għal dan il-kandidat għall-elezzjoni ta’ Mexxej tal-Partit Laburista Dr Robert Abela li għal darb’oħra enfasizza l-importanza tal-aħna akbar mill-jiena.
Dr Abela stqarr: “Dan mhux il-mument tal-aħna, dan huwa l-mument ta’ kull wieħed u waħda minnkom, mhux il-mument tiegħi, mhux il-mument tagħkom imma hu l-mument tagħna, tagħna lkoll flimkien illi qegħdin f’mument partikolari għal pajjiżna li jiena konvint, fiduċjuż ħafna, ħafna li nistgħu noħorġu minnha aktar b’saħħitna milli qegħdin illum basta naħdmu flimkien. Jiena persważ u għandi dak il-kurraġġ minn kull wieħed u waħda minkom, dik il-fiduċja minn kull wieħed u waħda minnkom li lesti li naħdmu flimkien biex nimbuttaw il-pajjiżna ‘l quddiem, biex nimbuttaw il-partit ‘il quddiem u tabilħaqq nistgħu nitkellmu dwar futur ħafna aħjar.”
Robert Abela kien qed jitkellem f’attività taħt it-tinda fil-Ħamrun fejn fost rakkonti ta’ kif sawruh ċertu esperjenza personali, spjega kif l-impenn fil-ħajja politika trid tinvolvi l-familja u li din tkun warajk hija kruċjali. Dan għaliex jemmen li l-għaqda fil-familja tista’ tgħinek biex tieħu d-deċiżjonijiet il-korretti.
Robert Abela rringrazzja wkoll il-voluntiera tal-Partit Laburista tal-ħidma tagħhom speċjalment f’dan il-perjodu ta’ festi li b’dedikazzjoni dejjem ħadmu mingħajr interess personali favur il-partit.