“L-għaqda tagħtik is-saħħa tagħmel il-bidliet.”
Iddikjara dan il-kandidat għal kariga ta’ Mexxej laburista u Prim Ministru, id-deputat Laburista Robert Abela waqt intervista li ta’ lil Inewsmalta.
Huwa spjega kif hemm bżonn li mmorru lura għall-prinċipji ewlenin li jagħmlu lil dan il-partit u moviment tant b’saħħtu għaliex dan ħa jwassal għall-aktar għaqda li tagħtik is-saħħa tagħmel il-bidliet neċċessarji.
Id-deputat Laburista Robert Abela tkellem dwar l-għaqda li hemm fil-grupp parlamentari. Grupp parlamentari, kompetenti u maqgħud, li flimkien se nkomplu naħdmu għal aktar suċċess.
“Tiskanta kemm dak il-fatt jgħinek meta tiġi għat-tmexxija nazzjonali. Meta inti għandek partit magħqud, grupp parlamentari maqgħud, il-membri tal-partit miegħek, id-delegati tal-partit u l-istruttura kollha miegħek, dik tagħtik ħafna saħħa u enerġija biex tagħmel il-bidliet fuq livell ta’ pajjiż.”
Dr Abela tkellem ukoll dwar l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna fejn qal li huwa importanti li tissaħħaħ il-fiduċja fihom. Huwa spjega kif wieħed m’għandux jagħmel l-iżball li jgħid li dawn huma mkissra iżda sempliċiment li f’ċertu aspetti jistgħu jaħdmu aħjar. Dan għaliex sar ħafna tajjeb li wieħed irid jirikonoxxih.