Stħarriġ tal-istatistiku Dr Vincent Marmarà ppubblikat fuq il-gazzetta t-Torċa wera żieda fil-fiduċja fil-Prim Ministru Robert Abela u tnaqqis fil-fiduċja fil-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.
Dan l-istħarriġ b’kampjun ta’ 750 persuna u li sar bejn l-10 u l-15 ta’ Settembru, wera li l-Mexxej Laburista huwa fdat minn 52.2% filwaqt li l-Kap Nazzjonalista huwa fdat minn 30.7%.
B’hekk id-differenza fil-fiduċja bejn iż-żewġ mexxejja hija ta’ 21.5%.
Fuq l-aħħar stħarriġ ta’ Marmarà li sar f’Lulju, il-Prim Ministru żied 1.2% filwaqt li l-Kap tal-Oppożizzjoni naqqas kważi 2%.
Anki l-Partit Laburista żied il-fiduċja fuq l-aħħar stħarriġ fit-Torċa.
F’dan l-aħħar stħarriġ dawk mistoqsija lil min jivvutaw jekk issir elezzjoni ġenerali għada, 56.2% għażlu lill-Partit Laburista u 42.1% għażlu lill-Partit Nazzjonalista.
L-Alleanza bejn l-Alternattiva Demokratika u l-Partit Demokratiku u partiti oħra kisbu 1.7%.
Skont l-istħarriġ, id-differenza bejn iż-żewġ partiti ewlenin hija ta’ iktar minn 14% li tfisser maġġoranza ta’ madwar erbgħa u erbgħin elf vot.
Fuq ir-riżultat tal-aħħar elezzjoni ġenerali, il-Partit Laburista żied 1.2% filwaqt li l-Partit Nazzjonalista naqqas 1.6%.
Anki l-partiti ż-żgħar raw żieda ta’ kważi nofs perċentwal fuq ir-riżultat elettorali tal-2017.
Fl-istħarriġ ta’ Marmarà joħroġ ukoll li viċin id-90% tal-votanti Laburisti fl-aħħar elezzjoni ġenerali, jafdaw lil Robert Abela, filwaqt li huma tliet kwarti tal-votanti Nazzjonalisti fl-2017, li jafdaw lil Bernard Grech.