Il-maġġoranza assoluta tal-poplu Malti u Għawdxi jafda lill-Prim Ministru u Mexxej Laburista f’dan il-perjodu li l-pajjiż jeħtieġ tmexxija soda u deċiżiva.
Dan ħareġ minn stħarriġ tal-gazzetta Maltatoday tal-Ħadd li reġa’ kkonferma differenza ta’ aktar minn 39 punt mal-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.
Il-Prim Ministru Abela qed igawdi l-fiduċja tal-etajiet kollha kif ukoll tal-maġġoranza assoluta tan-nisa u l-irġiel.
Filwaqt li Delia għandu l-fiduċja ta’ erbatax fil-mija tan-nisa u tmintax fil-mija tal-irġiel, Abela jgawdi mill-fiduċja ta’ wieħed u sittin punt disgħa fil-mija u ħamsin fil-mija rispettivament.
Il-mexxej Laburista qed igawdi wkoll mill-fiduċja tal-maġġoranza assoluta tal-Għawdxin fejn filwaqt li Abela għandu l-fiduċja ta’ aktar minn tlieta u sittin fil-mija, Delia għandu l-fiduċja ta’ tlieta fil-mija tal-Għawdxin biss.
Delia qed ibati wkoll fil-fiduċja fost dawk li vvutaw lill-Partit Nazzjonalista fl-aħħar elezzjoni hekk kif huma biss wieħed u erbgħin fil-mija li għandhom fiduċja bih. Hawnhekk il-Prim Ministru wkoll kiseb il-fiduċja ta’ tmintax fil-mija tan-Nazzjonalisti.
L-istħarriġ tal-Maltatoday kkonferma wkoll li d-differenza bejn iż-żewġ Partiti Politiċi kompliet tikber meta mqabbel max-xahar li għadda.
Id-differenza bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista telgħet għal 27 punt biex issa kieku kellha ssir elezzjoni għada, l-Partit Laburista jikseb sitta u erbgħin fil-mija tal-voti filwaqt li l-Partit Nazzjonalista jikseb biss dsatax punt wieħed fil-mija.