Fl-ewwel sigħat tat-12 ta’ Jannar ta’ sentejn ilu sar magħruf li Robert Abela laħaq Mexxej tal-Partit Laburista.
Ftit tal-ħin wara Dr Abela flimkien ma’ martu Lydia Abela u binthom Giorgia Mae, wasslu ġewwa ċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun milqugħa minn bosta nies.
Dr Abela bħala Mexxej frisk tal-Partit Laburista, mal-ewwel għadda sinjal ta’ għaqda.
Dakinhar waranofsinhar, wara li uffiċjalment ġie dikjarat il-Mexxej il-ġdid tal-Partit Laburista, Dr Abela ngħata merħba sabiħa fil-Padiljun ta’ Kordin.
Huwa kien indirizza l-Kungress tal-Partit Laburista.
“Ejja ħalli flimkien inkomplu nsaħħu lill-partit, flimkien nsaħħu lil pajjiż. Partit wieħed, pajjiż wieħed, poplu wieħed. Aħna lkoll ulied familja waħda.”
Taħt it-tmexxija ta’ Dr Abela, il-Partit Laburista baqa’ jiġġedded u jissaħħaħ.
Kien il-mexxej li għex il-mitt anniversarju mit-twaqqif tal-Partit Laburista u tnediet l-inizjattiva tal-Mitt Idea.
Hawhekk sar proċess wiesgħa ta’ konsultazzjoni li minnu ħarġu diversi proposti sabiex titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.
Wara sena ta’ konsultazzjoni, f’Lulju li għadda, il-Partit Laburista nieda l-proposti minn din il-konsultazzjoni, f’forma ta’ abbozz. Dan wara li ġew approvati mill-Eżekuttiv Nazzjonali tal-Partit Laburista.
Hawnhekk Dr Abela saħaq kif permezz ta’ din il-konsultazzjoni l-Partit Laburista qed ikompli jkun il-forza għall-bidla.
“Il-Mitt Idea għalhekk huma proċess ta’ kontinwazzjoni ta’ proċess ta’ tisħiħ. Tisħiħ li jwassalna flimkien għal aktar kisbiet, mhux biss għall-Partit Laburista iżda kisbiet fl-interess ta’ pajjiżna, fl-interess tan-negozji tagħna, fl-interess tal-familji tagħna.”
Dr Abela indirizza l-Konferenza Ġenerali Annwali tal-Partit Laburista minn Manoel Island, fejn kien ta aħbar sabiħa.
“Nista’ nħabbrilkom hawn illejla li għandna tliet kumpaniji kbar fil-manifattura li nfurmawna fl-aħħar ġimgħat b’investimenti miljunarji godda f’pajjiżna għaż-żmien li ġej. Dan l-investiment iżommilna s-suq tax-xogħol b’saħħtu.”
Dik l-aħbar li kien ħabbar qed ingawduha llum b’aktar xogħol ta’ kwalità u investimenti mill-privat waqt pandemija, bħal tad-De La Rue.
F’Settembru li għadda, il-Prim Ministru Robert Abela imbagħad ndirizza rally fi tmiem il-konferenza bit-tema ‘Inġeddu Malta Flimkien’, fejn hawnhekk saħaq kif il-Partit Laburista jista’ jkompli jagħmel ir-riformi f’pajjiżna.
“Pajjiż ġust f’kollox, fil-ġustizzja, fl-ekonomija, fl-ambjent, fil-ġustizzja soċjali. Din hija Malta tal-futur. Għalhekk l-istedina biex tingħaqdu miegħi, tingħaqdu magħna, tkunu intom l-istilel ta’ Tim Malta biex Inġeddu Malta flimkien.”
Sentejn ta’ Robert Abela, sentejn ta’ deċiżjonijiet.