“F’sitt snin u nofs għamilna iżjed milli għamel il-Partit Nazzjonalista fil-gvern f’25 sena”. Dan qalu il-kandidat għall-elezzjoni ta’ Mexxej tal-Partit Laburista Dr Robert Abela waqt attivita ġewwa l-Birgu s-Sibt filgħaxija. Huwa kien qed iwieġeb għal numru ta’ domandi li għamlulu diversi żgħażagħ fejn fakkar li l-Partit Nazzjonalista wkoll kellu numru ta’ episodji koroh minkejja l-kritika li qed jagħmlu lill-Gvern illum-il ġurnata. Partikolarment, huwa tkellem dwar l-iskandlu taż-żejt fejn aċċenna għall-fatt li jixtieq li ssir ġustizzja.
Dr Abela stqarr: “Jien mhux ser immur f’direzzjoni li ngħid fuq l-iskandlu taż-żejt għandhom isiru investigazzjonijiet għaliex inkun populist għaliex naf li dik hija l-għajta tan-nies li jgħidu jridu investigazzjonijiet fuq l-iskandlu taż-żejt imma ma nkunx fattwali u jien irrid inkun fattwali u onest magħkom. għaliex dwar il-każ taż-żejt hemm numru ta’ każijiet, numru ta’ persuni li tressqu l-Qorti mela mhux kwistjoni ta’ investigazzjonijiet, kwistjoni li l-Qrati iridu jagħmlu xogħolhom mill-aktar fis possibli.”
Dr Abela spjega li d-dewmien f’dan il-każ mhux dwar kwistjoni ta’ investigazzjonijiet iżda li l-Qrati jridu jagħmlu xogħolhom mill-aktar fis possibli ħalli l-ġustizzja ssir. Dawn il-każijiet ilhom li bdew mill-bidu tal-2013 u li sal-lum għadhom imwaħlin bi strateġiji legali. Huwa għalhekk li Robert Abela jemmen li jekk ikun Prim Ministru dan il-pajjiż ikun jista jagħti d-direzzjonijiet fit-teknikalitajiet legali għaliex ilu jippratika ta’ avukat għal numru ta’ snin.