L-Avukat Robert Abela ġie elett bħala l-mexxej il gdid tal-Partit Laburista.
Huwa ġie elett b’57.9% tal-voti mitfugħa fl-elezzjoni tas-Sibt filwaqt li d-deputat Prim Ministru Chris Fearne, li wkoll ikkontesta din l-elezzjoni ġab 42.1% tal-voti.
Robert Abela li għandu 42 sena se jkun id-9 mexxej tal-Partit Laburista u t-Tnejn mistenni jieħu l-ġurament tal-ħatra bħala l-14-il Prim Ministru ta’ Malta.
Kien għall-ħabta tas-1:30 ta’ filgħodu xħin il-partitarji Laburisti dehru jiċċelebraw ir-rebħa tiegħu quddiem iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun fejn sar il-proċess tal-għadd tal-voti.
Fl-ewwel kummenti miċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, Robert Abela li kien akkumpanjat minn martu Lydia, tenna messaġġ ta’ għaqda u sostna li Robert Abela ma rebaħx u Chris Fearne ma tilifx.
Bl-aktar mod konvinċenti qal li rebah il-Partit Laburista. Fid-diskors tiegħu huwa qal ukoll li jrid jara l-għaqda fil-partit kif ukoll fil-pajjiż.
B’reazzjoni għal dan ir-riżultat, il-Prim Ministru uxxenti Joseph Muscat feraħ mill-ewwel lil Robert Abela u sostna li huwa kburi li t-Tnejn se jgħaddilu l-uffiċċju tiegħu f’Kastilja.
Joseph Muscat irringrazzja wkoll lil Chris Fearne għall-kontribut eċċellenti li ta lill-Partit Laburista u lill-pajjiż. Fl-ewwel reazzjoni tiegħu, id-Deputat Prim Ministru ta ħajr lill-eluf ta’ Laburista li wrew fiduċja fih u wiegħed il-lealtà tiegħu lejn il-partit Laburista u l-valuri tiegħu.
Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li fl-elezzjoni tas-Sibt ivvotaw 16,200-il membru tal-Partit Laburista jiġifieri 92.5% ta’ dawk eleġibbli li jivvotaw.