Organizzat, strutturat, dixxiplinat u empatiku.
Dawn huma l-kwalitajiet li jispikkaw fl-14-il Prim Ministru ta’ Malta, skont l-opinjonisti Andy Ellul u Robert Musumeci, f’kummenti ma’ ONE News fil-jum li Robert Abela ħa t-tmun tal-pajjiż.
Dr Ellul stqarr: “Jiena kelli l-opportunità li nara lil Robert jaħdem bħala avukat fil-Qrati tagħna. Il-kwalitajiet tiegħu huma li huwa bniedem organizzat, strutturat u dixxiplinat f’dak li jagħmel allura naħseb li dawn il-kwalitajiet ħa jirriflettu fix-xogħol tiegħu bħala Prim Ministru ta’ Malta.”
Min-naħa tiegħu Dr Musumeci qal: “L-aktar kwalità li evidentament qed tispikka f’Dr Abela hi li huwa bniedem empatiku. Jien inzertajt naf lil missieru ftit mhux ħażin, u jidher li dik il-kwalità hija riflessi wkoll f’ibnu, fil-Prim Ministru l-ġdid. Naħseb dik hija xi ħaġa li tawgura tajjeb fit-tmexxija ta’ dan il-partit, il-moviment u anki l-pajjiż.”
Andy Ellul tkellem dwar dawk li, fl-opinjoni tiegħu, għandhom ikunu l-ewwel prioritajiet ta’ Robert Abela. Huwa sostna: “Naħseb li l-ewwel prioritajiet għandhom ikunu li jkompli jitwettaq il-Manifest Elettorali tal-Partit Laburista. Jien naħseb ukoll Dr Abela bħala Prim Ministru ta’ Malta ħa jkun qed jenfasizza fuq l-għaqda. L-għaqda fil-Partit Laburista u anki l-għaqda fin-nazzjon. Nemmen ukoll li kif tkellem waqt il-kampanja elettorali, se jsaħħaħ l-affarijiet li għandhom x’jaqsmu mas-sigurtà soċjali, mal-kundizzjonijiet tax-xogħol kif ukoll oqsma oħra bħall-governanza u r-reputazzjoni ta’ Malta.”
Robert Musumeci qal li Robert Abela irid lil kulħadd jaħdem miegħu. Xi ħaġa li ntirtet mil-legat li ħalla warajh l-eks Prim Ministru Joseph Muscat.
Dr Musumeci temm jgħid: “L-idea li jipprova jġib lil kulħadd flimkien. Mhux importanti, bħalma ilna ngħidu għal dawn l-aħħar snin, minn fejn ġej, iżda huwa importanti ħafna d-destinazzjoni, fejn tassew irridu naslu. Naħseb li Dr. Abela, din il-mira hija ċara f’moħħu.”