“Flimkien ma’ Lydia, Dr Abela jista’ jmexxi lil Partit Laburista u l-pajjiż għal suċċess.”
Dan kien kliem Emanuel Cuschieri f’intervent li għamel f’attivita taħt it-tinda tal-kandidat għall-elezzjoni ta’ Mexxej tal-Partit Laburista Dr Robert Abela. Filwaqt li spjega kif iħoss li jaqbel ma’ dak li qed jgħid id-deputat Robert Abela, irringrazzja wkoll lil Lydia li kienet parti mis-suċċess li kiseb il-Partit f’dawn l-aħħar 10 snin.
“Jiena nistqarr dalgħodu magħkom illi f’dawn l-aħħar ġimgħatejn, tlieta kont qed insegwi b’attenzjoni massima l-interventi taż-żewġ kandidati li għandna quddiemna għat-tmexxija tal-partit laburista u analizajt sew dak li qed jintqal. Nistqarr dalgħodu illi nħossni komdu ħafna nassoċja ruħi mal-ħafna dikjarazzjonijiet li qed jagħmel Dr Robert Abela.” Stqarr Cuschieri.
Emanuel Cuschieri faħħar ix-xogħol li qed jagħmel Robert bħala membru fil-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi fejn jassigura n-nefqa xierqa tal-flus pubbliċi mingħajr indħil politiku. F’dan il-kumitat Robert Abela ressaq għal skruntinju diversi rapporti fosthom l-espropjazzjoni tal-art fil-Fekruna u d-deal ta’ Spinola.
Intant, Cuschieri esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-proposta imresqa minn Robert Abela fejn aktar nies ikunu jistgħu jsiru sidien ta’ djarhom. F’dan ir-rigward Dr Abela qed jipproponi li parti minn l-eluf ta’ djar madwar il-gżejjer Maltin li huma qodma u dilapidati jiġu restawrati u jintużaw għal skop ta’ housing soċjali u affordabli.