“Il-pajjiż għandu bzonn stabbiltà, iżda wara rridu nibnu pajjiż li jaħseb f’kulħadd u li joffri soluzzjonijiet għall-isfidi tal-Maltin u l-Għawdxin.”
Dan qalu d-Deputat Laburista Dr Robert Abela fl-ewwel intervent tiegħu wara li tefa’ n-nomina tiegħu fl-elezzjoni għall-mexxej ġdid tal-Partit Laburista.
Qal li l-prijorità tiegħu hi li nerġgħu nġibu n-normalità fil-pajjiż għax il-familji jridu stabbilità u serħan il-moħħ.
Dr Abela qal li Prim Ministru l-ġdid irid joffri Gvern b’soluzzjonijiet għall-isfidi.
Żied li l-kampanja tiegħu se tħares ‘il quddiem u mhux lura, bi proposti ġodda f’kull qasam
“Il-prijorità f’dan il-mument hija li ndaħħlu lura l-istabbilità u s-serħan il-moħħ. Il-poplu Malti u Għawdxi jemmen li dan ilGgvern għamel ħafna u ħafna ġid li rridu nkomplu nibnu fuqu. Il-poplu jemmen ukoll li Gvern Laburista huwa dak il-Gvern li jista’ jkompli jieħu lil dan il-pajjiż ’il quddiem fl-isfidi ġodda li għandna quddiemna – fl-ambjent, fil-housing affordabbli u fi sfidi oħrajn. Ejjew ħalli flimkien nkunu parti minn din l-avventura li biha nkomplu ntejbu l-interess tal-Maltin u l-Għawdxin kollha”, sostna Dr Abela.
Dr Abela qal li jemmen li kif il-poplu wera fiduċja fil-Partit Laburista fl-aħħar żewġ elezzjonijiet, dan il-Partit jista’ jibqa’ jkun l-għażla għall-bidla li jixtiequ jaraw in-nies.