Il-Prim Ministru Robert Abela huwa fdat 19.5% iktar mill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.
Dan ħareġ minn stħarriġ tal-opinjoni pubblika li għamel l-istatistiku rinomat Dr Vincent Marmara’ u li ġie ppubblikat fuq il-gazzetta t-Torċa.
Dan l-istħarriġ li sar fost 600 persuna u li sar bejn nhar it-Tnejn u l-Ħamis li għadda wera li 52.7% tal-elettorat jafdaw lill-Prim Ministru Robert Abela filwaqt 33.2% għandhom fiduċja fil-Kap Nazzjonalista Bernard Grech.
11.9% oħra wieġbu li m’għandhomx fiduċja f’ħadd miż-żewġ mexxejja tal-partit il-kbar jew li ma jafux.
Is-sondaġġ ta’ Marmara’, li sar kważi sena mindu Robert Abela sar Prim Ministru u mexxej Laburista, wera wkoll li bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista hemm distakk ta’ 13.5%.
Fil-fatt dawk li wieġbu għall-istħarriġ, meta mistoqsija jekk issir elezzjoni għada lil min jivvutaw, 55.5% għażlu lill-Partit Laburista u 42% għażlu lill-Partit Nazzjonalista.
Dan id-distakk ifisser madwar erbgħin elf vot bejn iż-żewġ partiti msemmija.
Iċ-ċifri ta’ dan l-aħħar sondaġġ ifissru żieda ta’ nofs perċentwal fuq dak li kiseb il-Partit Laburista fl-elezzjoni ġenerali tal-2017 u tnaqqis ta’ 1.7% għall-Partit Nazzjonalista fuq ir-riżultat tal-aħħar elezzjoni ġenerali.
Jirriżulta wkoll li 88.8% ta’ dawk li vvutaw lill-Partit Laburista fl-2017 jafdaw f’Robert Abela filwaqt li 77.5% ta’ dawk li vvutaw lill-Partit Nazzjonalista fl-2017, jafdaw fil-Kap preżenti tagħhom.
Fid-dawl ta’ dan ġie spjegat kif ir-‘retention’, jiġifieri kemm partit kapaċi jżomm il-votanti tiegħu miegħu, hija ferm iżjed b’saħħitha għall-Partit Laburista milli għall-Partit Nazzjonalista.
Dr Marmara’ qal ukoll li jidher biċ-ċar li ċ-ċaqliq żgħir ħafna ta’ votanti li hemm bejn il-partiti qed jikkanċella lil xulxin.