Il-Housing hija waħda mill-prijoritajiet prinċipali fil-pjan ta’ ħidma tal-kandidat għall-elezzjoni ta’ mexxej tal-Partit Laburista, id-Deputat Robert Abela.
F’konferenza tal-aħbarijiet, ippropona li eluf ta’ djar madwar il-gżejjer Maltin, f’zoni ta’ abitazzjonijiet f’żoni, jiġu restawrati u jintużaw għal skop ta’ housing soċjali u affordabli. Dan minflok imorru għal għażla konvenjenti, u nużaw art verġni u ttella’ blokok sħaħ ta’ housing.
Robert Abela pproponi għad-diskussjoni t-twaqqif ta’ entità li xogħolha jkun li tilqa’ l-interess ta’ bejgħ ta’ dawn il-propjetajiet mingħand is-sidien privati. Il-ħsieb ikun dak li s-sidien jitħallsu l-prezz tas-suq li ġġib dik il-propjeta’. L-entità tagħti preferenza fix-xiri lil dawk id-djar li l-aktar huma qodma u dilapidati, bil-għan aħħari jkun dak li ssir riġenerazzjoni soċjali f’diversi rħula u bliet madwar Malta u Għawdex.
Il-finanzjament tax-xiri ta’ dawn id-djar ser ikun iffinanzjat minn bonds li jiġu mixtrija mill-pubbliku, u anke r-restawr. B’hekk is-sidien ta’ dawn id-djar ikunu l-Maltin u l-Ghawdxin u mhux il-Gvern.
Dr Abela sostna: “Ir-realtà turina li hemm mijiet ta’ familji li għaddejjin minn tbatijiet jien ma nistax ninjora din ir-realta. Sar ħafna f’dan l-aħħar snin imma fadal aktar x’jsir biex kulħadd ikollu l-jedd għaċ-ċavetta għad-dar tiegħu. Nemmen ħafna fi żgħir u l-batut. Dan huwa l-mument li ntejbu ħajjithom biex il-ħajja tagħhom titla’ ‘l fuq.”
Dr Robert Abela temm jgħid li idea bħal din taħdem f’diversi pajjiżi Ewropej, u hija waħda mill-prijorità tiegħu fil-kampanja Flimkien ‘il Quddiem’.