Stħarriġ ieħor, din id-darba ppubblikat fil-gazzetta Maltatoday wera fiduċja b’saħħitha li żamm il-Prim Ministru Robert Abela filwaqt li l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech reġa’ naqqas.
L-istħarriġ li sar bejn il-25 t’Awwissu u t-2 ta’ Settembru juri lill-Mexxej Laburista jikseb fiduċja ta’ 51.5% biex b’hekk żamm l-istess livell t’appoġġ ta’ stħarriġ ieħor tal-Maltatoday li sar f’Lulju.
Min-naħa l-oħra, il-Kap Nazzjonalista kiseb fiduċja ta’ 29.5%, li jfisser tnaqqis ta’ perċentwal fuq l-istħarriġ ta’ qabel.
Il-Prim Ministru jikseb fiduċja iżjed mill-Kap tal-Oppożizzjoni f’kull kategorija ta’ età iżda jgħaddi bl-aktar distakk lil Grech, fil-kategorija t’età ta’ bejn il-51 u d-69 sena.
Hawnhekk id-differenza hi ta’ kważi 50%.
Il-Maltatoday, li tinnota li l-istħarriġ sar wara l-pubblikazzjoni tar-rapport tal-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u anki ssemmi l-ingaġġ ta’ Chris Peregin bħala strateġista ta’ Bernard Grech, issemmi li fuq livell ta’ reġjuni Dr Abela huwa fdat iżjed minn Grech f’erba’ minn sitt reġjuni, fosthom f’Għawdex, fejn Robert Abela huwa fdat 19% iżjed minn Bernard Grech.
Bernard Grech huwa wkoll inqas popolari mill-partit li jmexxi, xi ħaġa li mhux il-każ għal Robert Abela.
Intant l-istħarriġ jinnota li d-distakk bejn iż-żewġ partiti baqa’ prattikament l-istess u l-Partit Laburista għandu vantaġġ ta’ 13% fuq il-Partit Nazzjonalista.
Il-Partit Laburista jikseb il-fiduċja tal-elettorat li wieġbu f’dan l-istħarriġ ukoll f’kull kategorija t’età, anki fl-iktar kategorija żagħżugħa ta’ dawk li jgħoddu bejn is-16-il sena u l-35 sena.