RMJ Horse Rescue għadom kif iffirmaw ftehim ma’ EquestriMalta li ser iwassal għall-bini ta’ stalel kompletament ġodda fis-sena 2025. Il-ftehim ġie ffirmat bejn iċ-Ċermen ta’ EquestriMalta John Huber u l-President ta’ RMJ Korin Farrugia fis-santwarju tas-Siggiewi. Preżenti għall-ufficjalizzazzjoni ta’ dan il-ftehim kien hemm ukoll is-CEO ta’ EquestriMalta Max Zammit, li kkoordina l-laqgħat u t-taħditiet matul dawn l-aħħar xhur.
EquestriMalta hija l-awtorità sportiva taz-zwiemel f’Malta u stabbilixxiet ruħha bħala promotriċi ta’ prattici u inizjattivi tajbin permezz ta’ numru ta’ inċentivi li offriet matul dawn l-aħħar tliet snin għall-isports bħal polo, tiġrijiet taż-żwiemel, show jumping u dressage. Min-naħa tagħha, RMJ Horse Rescue hija NGO li ssalva żwiemel li kienu abbandunati jew destinati għal qatla u tieħu ħsiebhom sakemm ikunu lesti biex jiġu adottati fi strutturi aktar permanenti ghall-kumpament tal-iritirar taghhom.
Din l-inizjattiva se tappoġġja l-bini ta’ stalel ġodda li se jkunu ddedikati għal żwiemel sportivi rtirati li jkunu qed jistennew li jiġu adottati barra minn Malta. Din mhix l-ewwel kollaborazzjoni bejn RMJ u EquestriMalta; riċentement ghadu kif sar kors ta’ erbat ijiem fuq is-sengħa tan-naghal, u ġie organizzat mill-Federazzjoni Ekwestri Maltija permezz ta’ sponsorizzazzjoni ta’ EquestriMalta.
Iċ-Ċermen ta’ EquestriMalta John Huber esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal dan il-pass importanti, li se jkompli jsostni l-benesseri taz-zwiemel sportivi fil-komunità ekwestri. Is-Sur Huber qal li din l-inizjattiva tikkumplimenta inizjattivi oħra li tniedew bhala parti minn programm shih iffukat fuq il-benesseri taz-zwiemel sportivi ekwestri, li jinkludi kontrolli aktar stretti kontra d-doping u first-aid għaż-żwiemel u s-sewwieqa tagħhom.
Korin Farrugia, li stabbilixxiet ruħha bħala pijuniera fl-inizjattivi għall-adozzjoni taż-żwiemel, irringrazzjat lil EquestriMalta għall-appoġġ tagħhom u wiegħdet li tkompli ssostni l-viżjoni tal-RMJ Horse Rescue. Żiedet tgħid li t-talbiet tal-NGO tagħhom qed jiżdiedu minħabba n-numru kbir ta’ żwiemel li għandhom bżonn post fejn joqghodu. Dan l-appoġġ propju se jtejjeb il-kawża tagħhom, filwaqt li jkompli jeduka lill-pubbliku dwar il-bżonn ta’ sistemazzjoni xierqa ghaz-zwiemel wara l-irtirar mill-isport. Is-Sinjura Farrugia faħħret diversi sidien taż-żwiemel li jagħmlu ħilithom biex iġibu ż-żwiemel tagħhom u jghinu sabiex ikollhom irtirar dinjituż u li dawn il-prattici tajbin għandhom iservu ta’ eżempju għal kulhadd.