Bejn Jannar u Settembru ta’ din is-sena, is-settur turistiku Għawdxi kellu riżultati pożittivi ferm. Il-maġġoranza tal-operaturi f’dan il-qasam raw titjib fin-negozju tagħhom meta mqabbel ma’ dak tal-istess perjodu tas-sena l-oħra.
Dan ħareġ minn stħarriġ li kkummissjonat l-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu fost kategoriji differenti f’dan is-settur f’din il-gżira, fosthom dawk tal-akkomodazzjoni, tar-ristoranti, ita-ċentri tal-għadis, ta-attrazzjonijiet turistiċi, tat-trasport, l-operaturi turistiċi, destination management companies, l-aġenziji tal-ivvjaġġar, l-aġenziji tal-proprjetà, u l-kumpaniji ta’ konsultazzjoni fil-qasam turistiku.
F’kumment telefoniku ma’ dan l-istazzjon, il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu, Joe Muscat, innota l-persentaġġ għoli ta’ membri li qalu li din is-sena kienet aħjar mis-sena l-oħra.
“Kif kien mistenni jidher li s-sena li qegħdin fiha hija s-sena ta’ rkupru u dan ġie kkonfermat ukoll mir-riżultat ta’ dan l-istħarrriġ, fejn qed ngħidu li kważi 69% tal-membri li pparteċipaw f’dan l-istħarriġ qalu li l-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena kienu aħjar minn Jannar u Settembru tal-2021.”
Dwar ir-riżultati fix-xhur tas-sajf, 62% tal-istabbilimenti qalu li n-negozju f’dan iż-żmien kien ferm aħjar mis-sena ta’ qabel, filwaqt li 28% qalu li n-negozju għalihom baqa’ l-istess.
L-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu talbet ukoll l-opinjoni tal-istabbilimenti dwar il-miżuri tal-Budget għall-2023. Il-maġġoranza tagħhom, 79%, qalu li l-aktar miżura li se tolqot b’mod pożittiv lin-negozju tagħhom hija dik dwar is-sussidji fil-kontijiet tal-enerġija. Għaxra fil-mija oħra semmew b’mod pożittiv il-cash grant għan-negozji żgħar u medji, u l-bqija nnutaw li l-Gvern se jkun qed ikompli jagħti sussidju fuq il-kera.
Meta mistoqsija dwar liema miżura relatata direttament ma’ Għawdex se tkun qed tolqothom b’mod pożittiv, 67% minnhom semmew l-inċentivi għal turiżmu fit-tul f’din il-gżira fix-xhur xitwin. Ħdax fil-mija oħra qalu li l-bini ta’ mitjar rurali se jkun ta’ benefiċċju għan-negozju tagħhom. Ġie nnutat ukoll l-impenn tal-Gvern li jsaħħaħ is-servizz tal-fast-ferry, kif ukoll il-miżura li Għawdex se jibbenefika minn madwar €60 miljun f’investiment taħt l-inizjattiva Sustainable Urban Development.
Finalment, l-istħarriġ juri wkoll kif 69% tan-negozji qed jaraw li bejn wieħed u ieħor se jkollhom l-istess riżultati s-sena d-dieħla, filwaqt li 13% qed jgħidu li se jkollhom aktar negozju meta kkumparat ma’ din is-sena.