Grupp ta’ atleti żgħażagħ mil-Għaqda Maltija tal-Weightlifting għadhom kif ikkompetew fil-Kompetizzjoni internazzjonal Challenge 210 Cup fi Tramelan, ġewwa l-Iżvizzera
Tim Malta beda b’saħtu fl-ewwel ġurnata, fejn intrebħu tliet midalji individwali. L-aqwa riżultat ġie fil-kategorija tan-nisa ta’ taħt is-17-il sena, fejn Kaya Curmi Inguanez u Aaliyah Gatt kisbu il-midalji tad-deheb u l-fidda, rispettivament. Kaya fetħet b’lifts b’saħħithom ta’ 58kg u 60kg fis-Snatch. Fil-Clean & Jerks hi rnexxiela terfa il-lifts kollha, spiċċat b’75kg. Dan il-prestazzjoni eċċellenti kisbitilha biżżejjed punti biex tiżgura posta fil-quċċata tal-klassifika minn fost 17-il kompetitur. Barra minn hekk, Kaya ħadet ukoll l-unur tal-aqwa atleta femminili U-20 tal-kompetizzjoni.
Gatt ukoll tat wirja mill-aqwa, fejn temmet bi Snatch ta’ 63kg u Clean & Jerk ta’ 84kg. Il-midalja tal-fidda kienet missielta minn diversi atleti, iżda Gatt żammet il-kalma tagħha u kisbet it-tieni post bil-lift finali tagħha, li kien ukoll rekord personali ta’ 3kg. Hi għelbet lill-kompetitriċi mir-Repubblika ta’ Franza bi punt wieħed biss. Fir-ranking globali tat-timijiet, it-tim tan-nisa magħmul minn Kaya, Aaliyah u atleta oħra Maltija Shayelle Azzopardi spiċċa fl-ewwel post.
Għal Shayelle Azzopardi din kienet l-ewwel kompetizzjoni barra minn xtutna, pero’ madankollu xorta waaħda kellha wirja tajba fuq il-palk, u temmet b’ 60kg fis-Snatch u 65kg fil-Clean & Jerk.
Fil-kategorija tal-irġiel ta’ taħt it-13-il sena, l-atleta żagħżugħ Gabriele Frendo rebaħ il-midalja tal-bronż individwali b’kompetizzjoni perfetta, fejn temm b’suċċess is-sitt lifts kollha tiegħu. Għalkemm għandu biss tnax-il sena, Gabriele wera teknika eċċellenti, u għolla 48kg fis-Snatch u 58kg fil-Clean & Jerk. Mattias Mifsud , atleta ieħor li għandu biss 12-il sena temm fir-raba posiżżjoni, żewġ punti biss il-bogħod mil-podju. Madanakollu hu xorta kellu prestazzjoni tajba u temm il-kompetizzjoni bi Snatch ta’ 28kg u Clean & Jerk ta’ 39kg. Flimkien, id-duo mill-Iskola Nazzjonali tal-Isport kisbu ukoll l-ewwel post fil-Kompetizzjoni tat-Timijiet Subien U-13.
Din il-kompetizzjoni kienet ukoll l-ewwel esperjenza internazzjonali għall-lifter żagħżugħ Nathan Balzan, li wera determinazzjoni kbira u temm bi Snatch ta’ 38kg u Clean & Jerk ta’ 48kg.
Il-parteċipazzjoni tat-tim f’dan l-avveniment saret possibbli grazzi għall-appoġġ kontinwu ta’ Sport Malta u l-Kumitat Olimpiku Malti.