Il-Membru Parlamentari Ewropew Laburista Thomas Bajada nieda r-riżultati ta’ studju komprensiv, intitolat ‘The Economy of Wellbeing – Bridging the Gap’, li ġie kkummissjonat biex janalizza l-isfidi soċjali u ekonomiċi li qed jaffettwaw il-benesseri tal-individwi u tal-komunitajiet.
Dan l-istudju jmur lil hinn minn sempliċi analiżi ta’ figuri u statistika, billi jiffoka fuq l-esperjenzi tan-nies u kif dawn jistgħu jiġu tradotti f’azzjonijiet konkreti biex tittejjeb il-kwalità tal-ħajja.
L-għan ewlieni hu li jiġi identifikat il-mod kif il-politika tista’ tinbena minn isfel għal fuq, b’inklużjoni sħiħa taċ-ċittadini fl-ifformar ta’ soluzzjonijiet effettivi.

Fil-kummenti tiegħu, Bajada enfasizza l-importanza ta’ dan l-approċċ parteċipattiv, fejn kull individwu għandu l-opportunità li jesprimi l-esperjenzi tiegħu u jikkontribwixxi għad-direzzjoni politika u soċjali tal-pajjiż. Huwa saħaq li kull storja għandha tingħata s-sinifikat li jixirqilha u tibqa’ tinstema’ b’dinjità.
Matul it-tnedija, tkellem ukoll Lawrence Zammit, Direttur Maniġerjali tal-MISCO, il-kumpanija li mexxiet l-istudju, fejn spjega li r-riċerka involviet il-parteċipazzjoni ta’ madwar 430 persuna minn diversi setturi u sfondi demografiċi differenti biex tirrifletti l-ħtiġijiet u l-perspettivi varji tas-soċjetà Maltija.
Justin Attard, riċerkatur fi ħdan l-Università ta’ Malta fil-qasam tal-Politika Soċjoloġika, il-Klassijiet Soċjali u r-Reżiljenza tal-Komunità, tenna kif dan l-istudju jidentifika l-fatturi li jikkontribwixxu għas-sodisfazzjon tal-pubbliku u għall-benesseri ġenerali tal-individwu.
Hu enfasizza wkoll l-importanza tal-kwalità tal-ħajja bħala element essenzjali fil-ħajja soċjali, ekonomika u kulturali u kif dan il-kunċett ġie rifless b’mod ċar fl-evidenza miksuba mill-istudju.
L-avveniment laqqa’ flimkien numru ta’ stakeholders, rappreżentanti ta’ għaqdiet mhux governattivi u membri tas-soċjetà ċivili, li kellhom l-opportunità jiddiskutu s-sejbiet tar-riċerka u joffru perspettivi dwar il-konklużjonijiet tagħha.
