Fit-tieni ġurnata tat-tazza tad-dinja tad-darts li qed issir fil-belt Daniża ta’ Esbjerg, Albert Scerri rnexxielu jgħaddi għal mal-aħħar 128 wara li għeleb lid-Daniż Andrea Toft 4-3. Fir-round ta’ wara hu ġie eliminat mill-Awstraljan Peter Machin 4-3 minkejja wirja mill-aqwa fejn xi kultant ma kienx ixxurtjat fit-tefgħat tiegħu.
Min-naħa l-oħra, Norbert Attard kien eliminat mill-Awstaljan Raymond Smith 4-2 b’Tony Borg u Enrico Scerri li wkoll tilfu l-logħba tagħhom kontra James Hurrell (4-1) u Michael Cassar (4-0) rispettivament.
F’logħbiet oħra li ntlagħbu, il-koppja Tony Borg u Enrico Scerri tilfu l-logħba tagħhom mill-fażi tal-aħħar 256 wara li ġew megħluba mill-Ingliżi Ricky Dunlop u John Neill 4-2.
Fl-azzjoni kien hemm ukoll it-tim Malti tan-nisa li wara rebħa ta’ 9-6 kontra l-Indja, kien żvinturat li ma ħa xejn fil-konfront kontra l-Litwanja. Fil-fatt wara skor ta’ 8-8, ġie milgħub il-leg deċiżiv b’Althea Ciantar li falliet għal ftit għal skor finali ta’ 9-8 favur il-Litwani.
Fil-logħbiet l-oħra, Malta tilfet bl-iskor identiku ta’ 9-0 kontra Spanja, Żvezja u l-Istati Uniti.
Illum ikollna aktar logħbiet minn din il-kompetizzjoni fejn jidħol fl-azzjoni t-tim tal-irġiel kif ukoll id-doubles tan-nisa, singles tal-irġiel u tan-nisa.