Fit-tieni kwart ta’ din is-sena, żdied id-dħul għall-Gvern, partikolarment mit-taxxa tad-dħul fl-isfond ta’ ħafna iktar nies jaħdmu u b’rata ferm baxxa ta’ qgħad.
Statistika tal-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika, l-NSO, uriet li d-dħul ammonta għal kważi biljun u erba’ mitt elf ewro, li jfisser li bejn April u Ġunju li għadda, id-dħul żdied b’mija u disgħin miljun u tliet mitt elf ewro, meta wieħed iqabbel mal-istess perjodu s-sena l-oħra.
Parti mid-dħul tal-Gvern żdied ukoll minn dħul fuq proprjetà.
Bejn April u Ġunju li għadda wkoll żdiedet in-nefqa b’wieħed u erbgħin miljun u mitt elf ewro meta tqabbel mal-istess perjodu tas-sena l-oħra.
L-akbar żieda fin-nefqa tal-Gvern kienet marbuta ma’ kumpens lill-ħaddiema.
Din ammontat għal ħamsa u erbgħin miljun u nofs ewro.
Kien hemm żieda wkoll fin-nefqa soċjali.
Statistika separata tal-NSO wriet li d-dejn laħħaq tlieta u ħamsin punt erbgħa fil-mija tal-prodott domestiku gross.
Dan huwa fost l-inqas irreġistrat fil-pajjiżi Ewropej hekk kif pajjiżi bħall-Awstrija, il-Polonja, il-Ġermanja u l-Portugall, id-dejn tagħhom jiżboq dak ta’ Malta, skont statistika tal-uffiċċju tal-istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-EUROSTAT.
L-NSO nnota wkoll li r-riżultati fiskali tal-Gvern huma riżultat tal-għajnuna kbira li ta l-Gvern b’rabta mal-pandemija.
L-għajnuna lin-negozji, li tinkludi l-Covid Wage Supplement, ammontat għal kważi erba’ mitt miljun ewro matul l-2020.
Dan apparti miżuri oħra li ħallew l-andament ekonomiku għaddej f’pandemija, bħall-vouchers tal-mitt ewro.
Hawnhekk il-Gvern stimula l-ekonomija b’investiment ta’ tlieta u erbgħin miljun ewro.
L-NSO semma wkoll in-nefqa fis-settur tas-saħħa għall-iktar apparat mediku u mediċini, fejn hawn l-ispiża laħqet il-mija u ħamsa u għoxrin miljun ewro.
Kien hemm ukoll nefqa oħra t’għaxar miljun ewro fis-settur edukattiv ħalli dan addatta għar-realtajiet li ġabet il-pandemija u anki ħmistax-il miljun ewro f’nefqa soċjali relatata mal-Covid-19.