Il-Presidenza Maltija laħqet riżultat ieħor wara li irnexxilha tinnegozja b’suċċess biex pajjiżi Membri tal-Unjoni Ewropea jibdew jiġu offruti assistenza biex iwettqu riformi importanti f’pajjiżhom.
L-idea nibtet f’Novembru ta’ sentejn ilu meta l-Kummissjoni Ewropea ħarġet bi proposta biex jitwaqqaf programm ta’ għajnuna għall-pajjjiżi Ewropej f’każ li jridu jwettqu riformi f’pajjiżhom f’oqsma differenti.
Pajjiżi Ewropej se jkunu jistgħu japplikaw biex jirċievu għajnuna taħt forma ta’ flus, u anke f’riżorsi umani, biex ikollhom s-sapport meħtieg ħalli jwettqu b’suċċess tibdil li l-istess Kummissjoni Ewropea tirrakkomanda kull tant zmien.
Fosthom għal riformi fil-qasam tal-edukazzjoni, pensjonijiet u impjiegi, li minnhom finalment se jibbenifikaw iċ-ċittadini u li jistgħu jkunu ukoll inizjattivi li jieħdu l-pajjiżi stess. Dan wara sensiela ta’ taħdidiet li l-Presidenza Maltija, bħala rapprezentanta tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropeja, kellha mal-Parlament Ewropew biex flimkien waslu għal ftehim.
In-negozjati mal-Parlament bdew taħt il-Presidenza Maltija u ntemmew b’success fi ftit ġimgħat. Dan il-programm ta’ assistenza se jidħol fis-seħħ f’April ta’ din is-sena u għalih hemm allokat aktar minn €142 miljun u ghandu jibqa’ sejjer sas-sena 2020. Għal dan il-ftehim esprima sodisfazzjon is-Segretarju Parlamentari Responsabbli mill-Fondi Ewropew, Ian Borg.