Il-ġimgħa l-oħra, l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda adottat riżoluzzjoni mressqa mil-Liechtenstein li titlob li l-ħames membri permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà jiġġustifikaw l-użu tal-veto.
Il-Karta tan-Nazzjonijiet Magħquda tagħti liċ-Ċina, lil Franza, lir-Renju Unit, lir-Russja, u lill-Istati Uniti s-setgħa li jużaw il-veto biex jimblukkaw riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà, li tiegħu huma l-uniċi membri permanenti. Dan il-privileġġ kien ingħata lilhom minħabba s-sehem ewlieni tagħhom biex twaqqfet in-Nazzjonijiet Magħquda wara t-tieni gwerra dinjina, bil-għan li jkun hawn aktar paċi u sigurtà madwar id-dinja.
Ir-riżoluzzjoni tal-Liechtenstein tgħid li l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda għandha tiltaqa’ awtomatikament fi żmien għaxart ijiem kemm-il darba jintuża l-veto fil-Kunsill tas-Sigurtà minn wieħed mill-Istati membri permanenti tiegħu. Madankollu, ir-riżoluzzjoni ma torbotx u, jekk xi wieħed mill-membri permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà ma jkunx irid jispjega għaliex ikun uża l-veto, ma jistax jiġi sfurzat jagħmel dan.
Ir-riżoluzzjoni tal-Liechtenstein kienu warajha tlieta mill-membri permanenti tal-Kunsill tas-Sigurtà nnifsu – ir-Renju Unit, Franza, u l-Istati Uniti – flimkien ma’ 80 pajjiż ieħor, fosthom Malta. Iż-żewġ membri permanenti l-oħrajn tal-Kunsill tas-Sigurtà, jiġifieri r-Russja u ċ-Ċina, ma daħlux fiha.
Minħabba li kien evidenti li r-riżoluzzjoni kellha appoġġ qawwi ħafna fost l-Istati membri tan-Nazzjonijiet Magħquda, ma ntalabx vot u l-miżura ġiet adottata b’konsensus.
Ir-Rappreżentant Permanenti ta’ Malta għan-Nazzjonijiet Magħquda fi New York, Vanessa Frazier, iddeskriviet dan l-iżvilupp bħala wieħed storiku u spjegat għaliex Malta tat l-appoġġ tagħha.
Qalet, “Malta sostniet din ir-riżoluzzjoni mill-bidu, malli ġiet proposta bħala inizjattiva lilna mil-Liechtenstein, għax Malta temmen fi proċessi multilaterali u f’soċjetà bbażata fuq ir-regoli.”
Hija tkellmet ukoll dwar x’temmen Malta dwar il-privileġġ tal-veto.
Spjegat, “Aħna, speċjalment il-pajjiżi ż-żgħar, nemmnu illi l-veto huwa mekkaniżmu li m’huwiex biss privileġġ iżda responsabbiltà; responsabbiltà li għandha tintuża b’kuxjenza. B’dan il-mekkaniżmu se nissolidifikaw is-sejħiet tagħna għal aktar armonizzazzjoni bejn iż-żewġ organi ewlenin tan-nazzjonijiet Magħquda, li huma l-Assemblea Ġenerali u l-Kunsill tas-Sigurtà, kif ukoll qed nintroduċu aspett morali, iktar trasparenza, responsabbiltà, u rilevanza dwar l-użu tal-veto.”
Minbarra l-ħames membri permanenti, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda għandu wkoll għaxar membri mhux permanenti li jiġu eletti kull sentejn, iżda dawn ma jkollhomx id-dritt tal-veto. Malta bħalissa għaddejja b’kampanja internazzjonali biex tikseb siġġu mhux permanenti fil-Kunsill tas-Sigurtà fil-perjodu bejn l-elfejn u tlieta u għoxrin u l-elfejn u erbgħa u għoxrin.