F’dibattitu storiku, ippresedut minn Malta, il-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda, magħmul minn ħmistax-il membru, ivvota dwar riżoluzzjoni li tirrakkomanda lill-mija u tlieta u disgħin membru tal-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda biex “l-Istat tal-Palestina jsir membru sħiħ tal-Ġnus Magħquda.”
Din ir-riżoluzzjoni m’għaddietx, minkejja li tnax-il membru vvutaw favur, wieħed kontra, u tnejn astjenew. L-Istati Uniti vvotat kontra, filwaqt li r-Renju Unit u l-Iżvizzera astjenew.
Biex tgħaddi, riżoluzzjoni tal-Kunsill teħtieġ mill-inqas disa’ voti favur u l-ebda vetoes mill-Istati Uniti, ir-Renju Unit, Franza, ir-Russja u ċ-Ċina, li għandhom siġġu permanenti.
Sadanittant, il-Palestina hi meqjusa bħala stat osservatur u mhix membru u kull applikazzjoni biex issir membru b’mod sħiħ tal-Ġnus Magħquda, teħtieġ li l-ewwel tkun approvata mill-Kunsill tas-Sigurtà, imbagħad iġġib l-approvazzjoni ta’ mill-inqas żewġ terzi tal-Assemblea Ġenerali.
It-talba biex il-Palestina ssir membru sħiħ tal-Ġnus Magħquda qed terġa’ titqajjem sitt xhur wara li bdiet il-gwerra bejn Iżrael u l-Hamas f’Gaza.