Fil-Partit Nazzjonalsta qed jikber ir-riżentiment kontra l-Kap, Bernard Grech, għall-mod kif dan qed iwarrab lil kull min jipprova jesprimi opinjoni differenti minn tiegħu.
Sorsi ta’ ONE News fil-PN tkellmu dwar il-frustrazzjoni li hemm għall-fatt li Bernard Grech jagħmilha ċara li jrid madwaru nies li jgħidulu iva dejjem u għal kollox. Huma osservaw kif Bernard Grech jieħu ħafna għalih – internament tintuża ħafna l-kelma “touchy” – u jeħodha kontrik bil-kbir jekk tazzarda tikkuntrarjah.
Attivisti Nazzjonalisti qalulna li, fil-grupp parlamentari tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista, hemm rabja għall-mod kif qaqoċċa ta’ deputati li jgħidu iva f’kollox lil Bernard Grech – u li billew subgħajhom sew fil-kampanja qalila ta’ sentejn ilu meta Adrian Delia tqaċċat minn Kap biex minfloku tpoġġa Grech – qed jingħataw importanza kbira fil-midja tal-Partit filwaqt li l-oħrajn qed jitħallew fuq l-ixkaffa.
“Illum il-ġurnata dawn id-deputati l-ħin kollu fuq in-NET FM u n-NET TV, u jintbagħtu fuq l-istazzjon nazzjonali meta l-partit ikollu stedina biex jibgħat rappreżentant. Bernard Grech jimbotta dejjem lill-istess ftit nies,” ilmentaw magħna s-sorsi viċin id-deputati li jħossuhom imwarrbin.
Ir-rabja tad-deputati, u anki kandidati li ma ġewx eletti, għat-tmexxija Nazzjonalista dwar il-preferenzi ta’ Grech, ma bdietx illum. Ftit ġranet wara l-elezzjoni ġenerali, li fiha l-PN garrab l-akbar telfa fl-istorja tiegħu, ħafna kienu d-deputati, kif ukoll kandidati mhux eletti, li qalu li kienu twarrbu għal kollox matul il-kampanja elettorali.
Fost dawn kien hemm il-kandidata Doris Borg, il-kandidat Albert Buttigieg, il-kandidat ta’ Raħal il-Ġdid Ivan Bartolo, u kandidati oħrajn li, pubblikament, ilmentaw kif minkejja l-impenn tagħhom lejn il-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech – u miegħu dakinhar Chris Peregin u Jeremy Gingell, żewġ akkolti tal-Kap Nazzjonalista li wara l-elezzjoni telqu mill-PN – warrbuhom biex imbuttaw lid-deputati u l-kandidati preferuti tagħhom.
Kandidat Nazzjonalista mhux elett qal lil One News li Chris Peregin, li Bernard Grech kien għażlu biex imexxi l-kampanja elettorali, kellu saħħa kbira u mexa bi preferenzi kbar meta “għalaq il-bieb f’wiċċ bosta kandidati li ma kellux grazzja magħhom”.