Deborah Mifsud, li ftit sigħat wara li Bernard Grech laħaq Kap tal-Partit Nazzjonalista ħabbret li mhux se tibqa’ tirrappreżenta l-partit fil-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara, staqsiet x’riedet il-klikka li reġgħet ħakmet il-partit.
Mifsud qalet, “Il-klikka taf x’iridu? Li r-Repubblika tieħu over. Mela l-Partit Nazzjonalista tar-Repubblika? Mela l-Partit Nazzjonalista tal-Occupy Justice?”
F’intervista, li siltiet minnha xxandru fil-programm Follow-up li jixxandar kull nhar ta’ Tnejn filgħaxija fuq ONE, Mifsud spjegat għala telqet mill-Partit Nazzjonalista.
“Meta bihom tlifna għaxar elezzjonijiet, b’tal-Kunsilli u b’tal-Ewropa b’kollox jew ħa nippruvaw bidla? U vvutajt għall-bidla, dil-bidla ma ħallewhiex isseħħ. Allura jiena nħoss li la l-bidla li xtaqt jiena ma rnexxietx u ma seħħitx, għandi nwarrab mill-Partit, dik l-unika raġuni.” Kompliet tgħid Mifsud.
Spjegat u wriet l-għadab tagħha għad-deputati ribelli u dawk li kissru l-partit.
Mifsud stqarret, “Inti ma tistax qed tibni dar, kif bnejt l-ewwel sular, issib in-nies fil-pedament ikissruhulek, x’se jagħmlu? Jerġgħu jwaqqgħuk. Kull darba li jkun tiela’ ftit, jerġgħu jagħmlu xi ħaġa biex iniżżluh.”
Hi qalet, “Dawn konna nidħlu għall-eżekuttiv flok niddiskutu l-aġendi li jkollna naraw kif ħa nagħmlu biex niġbru l-voti u l-firem biex inqaċċtu l-Kap.”
Mifsud kompliet, “Inti ma tistax tirbaħ b’nies li tellfuna għaxar elezzjonijiet. Issa biex tiġġieled dik il-klikka antika li għamlu ħafna ħsara fil-partit, bħal Jason, bħal Karol, li għamlu ħsara fil-partit u kemm il-darba tkellimt u għedtilhom f’wiċċhom, nemmen li bihom m’hu se nagħmlu xejn. U ma jħallukx taħdem, għax appenna jagħmel xi ħaġa l-Kap, żewġ minuti wara jkissruhielu.”
Filwaqt li wriet rispett lejn Bernard Grech, Deborah Mifsud sostniet li dan qatt ma kellu jikkontesta għal Kap kontra Adrian Delia li kien il-Kap.
Il-kunsilliera Karkariża sostniet, “Naħliflek li lanqas qatt ma ltqajt miegħu jiena, ma’ dan ir-raġel. Pero it’s not done li tikkontesta Kap meta Kap diġà għandna.”
Spjegat li Delia seta’ rifes xi kallijiet ta’ dawk li dejjem kellhom ir-riedni tal-Partit Nazzjonalista.
“Id-‘due diligince’ saret. Ma ħareġ xejn maħmuġ fuqu. Fuq Bernard saret ukoll u ħarġu affarjiet. Għalfejn dejjem il-Kap? Għax naħseb rifsilhom xi kallu jiena, milli ma xtaqtux jirfsulhom.” Kompliet tgħid Mifsud.
Deborah Mifsud kellha messaġġ għad-deputati li sfiduċjaw lil Delia biex tpoġġa Bernard Grech.
Il-kunsilliera qalet, “Xi jridu aktar dan nies? X’iridu? Li jibqgħu granfati mas-siġġu. Għax huma jafu li ġejja l-elezzjoni u diġa tlifna għaxar elezzjonijiet bihom. Taħseb li din se nirbħuha bihom?”
Hi kompliet tgħid, “Dawn ikunu hemm għalihom. X’ħin jaraw il-Kap tiela’, imorru jieħdu r-ritratti, jmorru konferenza stampa u jmorru kull fejn ikun. X’ħin jaraw il-kap nieżel, joħroġ xi survey, wara li jkunu xebgħu ituh bis-sieq, jerġgħu iwarrbu u jmorru mal-oħrajn.”
Qalet li l-fazzjoni ta’ Simon Busuttil neħħiet lil Delia bi ħdura u b’mod inġust.
Mifsud qalet, “Mela tajjeb, dak iż-żmien għal Simon kienet komda għalih li nivvutaw it-tesserati. Għax tela’ Adrian ma kinitx komda. Issa jew ħa nimxu fair ma kulħadd jew m’aħna ħa nimxu ma’ ħadd. Dik diġa tefgħat lura u kissret lill-partit.”
Hi kompliet tgħid, “Jiena nara l-ħdura u azzjonijiet ħżiena lejn Kap li fl-aħħar mill-aħħar tellawh it-tesserati u kienet id-deċiżjoni tal-amministrazzjoni ta’ qabel li jivvutaw it-tesserati għall-Kap. Jien għalih naħseb li kienet ‘unfair’.”
Dwar il-ħdura u l-azzjonijiet ħżiena, Deborah Mifsud għalqet billi ddikjarat li l-Partit Nazzjonalista m’għadux jappartjeni lilha.
“Naħseb li m’għadux partit li jappartjeni lili. Jiena kemm fil-kunsill, kemm kull min jafni, jaf li xi ħaġa ta’ azzjonijiet ħżiena jew ta’ ħdura, ma noqgħodx.” Temmet tgħid Deborah Mifsud.