Il-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Bernard Grech kompla jitlef iżjed nies, b’riżenja oħra tasal minħabba l-ġlied fil-Grupp Parlamentari Nazzjonalista bejn Therese Comodini Cachia u Adrian Delia.
André Grech, Kunsillier f’Ħal Balzan saħaq li rriżenja mill-Partit Nazzjonalista wara li Bernard Grech naqas milli jieħu azzjoni fil-konfront ta’ Comodini Cachia, li ħarġet tattakka lil Adrian Delia fuq il-kawża ta’ libell li fetaħ kontra l-Lovin Malta, is-sit li għad għandu kontroll enormi fuqu l-istrateġista ta’ Bernard Grech, Chris Peregin.
Mal-Lovin Malta, Grech ikkonferma li telaq mill-partit ta’ Bernard Grech.
“Delia kien imċanfar għax morna fuq il-Fosos bil-flokkijiet ta’ Team Delia u wara l-kummenti ta’ Comodini Cachia qed ngħidu li l-partit huwa magħqud”, saħaq André Grech, li żied jgħid li ma jistax jibqa’ f’partit fejn tirrenja l-mibegħda.
Wara li fil-Qorti, Delia għamel eżami lill-Editur tal-Lovin Malta Julia Bonnici fuq ir-rapport tas-sit li fih ingħad li l-eks Kap Nazzjonalista kien f’kuntatt ma’ Yorgen Fenech waqt dibattitu parlamentari wara li sar magħruf li Fenech huwa s-sid tal-kumpanija 17 Black, Comodini Cachia kienet sejħet dak li għamel Delia fil-Qorti bħala surreali u ‘poor taste’.
Comodini Cachia ilha bit-tikketta ma’ Adrian Delia u saħansitra riedet tieħodlu postu bħala Kap tal-Oppożizzjoni.
André Grech, li issa se jkun fil-Kunsill Lokali ta’ Ħal Balzan bħala indipendenti, kien wieħed mill-ewlenin li baqa’ jiddefendi lil Delia anki meta kien qed jiġi sfiduċjat u fl-elezzjoni għall-Kap li fiha tpoġġa Bernard Grech, André Grech baqa’ wara Adrian Delia.
Fl-aħħar sigħat it-tmexxija Nazzjonalista ppruvat tagħti l-impressjoni li s-saga bejn Comodini Cachia u Delia hi każ magħluq.
Dan għamlitu permezz tal-President tal-Kunsill Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Mark Anthony Sammut, li qal li l-Kap iltaqa’ maż-żewġ Deputati Nazzjonalisti.
Madankollu Adrian Delia kkonferma li kull ma għamel il-Kap Bernard Grech kien li ċempillu u Delia rrimarka li b’telefonata ma tagħlaqx l-affarijiet.
Tal-għaqda Repubblika wkoll ħarġu jiddefendu lil Comodini Cachia u jattakkaw lil Adrian Delia, li baqa’ jiċħad ir-rapport tal-Lovin Malta.
Il-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Bernard Grech baqa’ qatt ma ħareġ jiddefendi lil Adrian Delia u mistoqsi dwar il-materja, il-Kap Nazzjonalista baqa’ jidher evidentament skomdu.
Fil-fatt meta staqsejnih fuq dan l-aħħar ġlied fil-partit li jmexxi, barra l-Parlament, Bernard Grech ħarab u pront daħal fil-karozza.
André Grech huwa persuna oħra li rriżenja mill-Partit Nazzjonalista dan ix-xahar.
Fl-ewwel xahar ta’ din is-sena, Roselyn Borg Knight u Hermann Schiavone għażlu li ma jikkandidawx ruħhom mal-partit ta’ Bernard Grech fl-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Borg Knight anki rriżenjat mill-kariga li kellha fit-tmexxija tal-partit.
Dan apparti li fix-xhur li għaddew, Jonathan Dingli rriżenja minn Kunsillier Nazzjonalista fl-Imqabba u Tiffany-Abela Wadge u George Muscat irtiraw ukoll il-kandidatura tagħhom minn mal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjoni ġenerali.