Il-qasma u l-apatija fil-Partit Nazzjonalista kompliet toħroġ biċ-ċar is-Sibt filgħodu hekk kif il-President ta’ Team Start u l-Membru tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista Jordan Galea Pace, irriżenja mill-Partit Nazzjonalista.
Din l-aħħar riżenja waslet fi sfond ta’ ġlied kontinwu li qed jiddomina fid-Dar Ċentrali u li deher ċar bl-aħħar battibekki bejn il-Kap Nazzjonalista u l-eks Kap Adrian Delia.
Fi stqarrija fuq il-profil tiegħu fuq Facebook, Galea Pace komplja jixhed il-firdiet li jiddominaw fil-Partit Nazzjonalista.
Dan hekk kif kixef li l-Kap Bernard Grech għandu deputati u membri fil-Partit li qed joħolqulu l-problemi biex jiksbu l-poter.
Sorsi ta’ ONE News fid-Dar Ċentrali sostnew kif Galea Pace kien qed jirreferi għal persuni partikolari li huma l-ewlenin fl-establishment tal-Partit Nazzjonalista.
Persuni li ta’ kuljum jiġbdu l-ispag tal-Kap sabiex jagħmel u jgħid dak li jgħidulu huma.
Galea Pace żied jgħid li l-ħajja politika tiegħu fil-Partit Nazzjonalista għalmitu l-akbar ħaġa – Dik li ma javda lil ħadd.
L-istess sorsi fil-Partit Nazzjonalista komplew isostnu ma’ ONE News kif l-ambjent tossiku li qed jiddomina fl-istamperija ma qed jgħid xejn sabiex timxi ’l quddiem il-ħidma politika tal-Partit.
Sostnew ukoll li l-battibekki bejn Bernard Grech u Adrian Delia komplew jitfgħu il-melħ fuq il-qasma li għadha tiddomina fil-Partit u li bħal donnu ma jista’ jfiq qatt minnha.
Ftit tal-jiem ilu, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech f’intervista mal-Lovin Malta żżufjetta bl-eks Kap Adrian Delia hekk kif tenna li llum il-ġurnata l-Partit Nazzjonalista jinsab f’qgħada aħjar għaliex ma hemmx Deputati li qed imorru għand il-President sabiex jippruvaw jeħilsu mill-Kap tagħhom.
Hawn kien intqal:
Ġurnalist – “Is it though, is it better than it was two and a half years ago?”
Bernard Grech – “Għandek id-dubju? Qed tara lil xi ħadd għand il-President biex jipprova jbiddel il-Kap tiegħu?”
Dlonk irreaġixxa Adrian Delia u fuq Facebook huwa kiteb hekk; “Jekk il-Partit hux aħjar jew agħar jarawh in-nies. Imma li tifraħ għax lilek ma ttradewkx ma naħsibx li hu ġust.”
Delia kompla jgħid kif l-attitudni ta’ Bernard Grech hi diżrispett lejn il-Kunsillieri tal Partit Nazzjonalista.