Għand il-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Bernard Grech daħlet riżenja oħra, din id-darba waħda fit-tmexxija tal-partit.
Roselyn Borg Knight issa rriżenjat minn Segretarju Internazzjonali tal-partit wara li kienet irtirat il-kandidatura tagħha għall-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Borg Knight kienet meqjusa bħala waħda li kienet leali lejn il-fazzjoni t’Adrian Delia u nies tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil kienu ħadu pjaċir b’dan l-iżvilupp minħabba li Borg Knight kienet ta’ Delia.
Fil-fatt Christoph Schwaiger, attivist ta’ Repubblika u li jippreżenta l-programmi online tal-istess grupp, kien uża Twitter biex jgħid li l-aħbar li Borg Knight irtirat il-kandidatura tagħha żgur li ma kinitx l-agħar aħbar li ħarġet.
Borg Knight iżżid mal-lista ta’ riżenji u rtirar mill-partit ta’ Bernard Grech.
Bħal-lum ġimgħa Hermann Schiavone qal li ma jridx jikkontesta fl-elezzjoni ġenerali li jmiss mal-Partit Nazzjonalista.
Dan għamlu wara Therese Comodini Cachia, li wkoll daqqet l-irtirata.
Dan apparti riżenji oħra, bħal Jonathan Dingli, li rriżenja minn Kunsillier Nazzjonalista fl-Imqabba u Tiffany-Abela Wadge u George Muscat irtiraw ukoll il-kandidatura tagħhom minn mal-Partit Nazzjonalista.
Abela-Wadge kienet sostniet li tħossha maqtugħa mill-Partit Nazzjonalista wara li stqarret li għalqulha ħalqha meta semmiet temi marbuta man-nisa filwaqt li George Muscat irriżenja mill-partit ta’ Bernard Grech wara li l-Partit Nazzjonalista għamel għalih għax faħħar il-fast ferry bejn iż-żewġ gżejjer.