Il-Bank Ċentrali ta’ Malta rreveda ‘l fuq it-tkabbir fl-ekonomija Maltija għas-sentejn li ġejjin.
F’rapport dettaljat, il-Bank Ċentrali saħaq li l-andament ekonomiku tal-2019, is-sena ta’ qabel il-pandemija, se jkun milħuq lejn tmiem is-sena d-dieħla.
Dawn il-prospetti ekonomiċi tal-Bank Ċentrali jsegwu dawk li ħarġet il-Kummissjoni Ewropea fejn sostniet li s-sena d-dieħla Malta se jkollha l-akbar tkabbir ekonomiku fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.
Intant il-Bank Ċentrali qal li minħabba l-pandemija, is-sena l-oħra l-prodott domestiku gross naqas b’8.2% iżda din is-sena l-prodott domestiku gross se jikber b’5%.
Is-sena d-dieħla imbagħad l-ekonomija mistennija tikber b’5.5% u s-sena ta’ wara, jiġifieri l-2023, mistenni tkabbir ta’ 4.7%.
Dawn il-prospetti ekonomiċi għas-sena d-dieħla u ta’ wara jfissru reviżjoni ‘l fuq mir-rapport li l-Bank Ċentrali kien ħareġ f’Diċembru li għadda.
Il-Bank Ċentrali nnota dik li sejħilha bħala reżiljenza eċċezzjonali fis-suq tax-xogħol hekk kif semma l-miżuri fiskali li ntroduċa l-Gvern u li dawn kienu ta’ sostenn qawwi għall-impjiegi.
Fost dawn il-miżuri fiskali kien hemm il-Covid Wage Supplement lil aktar minn disgħin elf ħaddiem li l-post tax-xogħol tagħhom intlaqat mill-pandemija u li b’din il-miżura ġie salvat l-għajxien ta’ eluf ta’ familji.
Ir-rapport tal-Bank Ċentrali jgħid li t-tkabbir fl-impjiegi hu stmat li baqa’ pożittiv fl-2020, għalkemm immodera meta mqabbel mal-2019, is-sena sħiħa fejn ma kienx hawn pandemija.
Il-Bank Ċentrali bassar li t-tkabbir fl-impjiegi se jirpilja gradwalment fis-snin ta’ wara u jilħaq il-livell ta’ 2.7% fl-2023.
Il-Bank Ċentrali qed jistma li l-proporzjon tad-dejn tal-Gvern imqabbel mal-prodott domestiku gross se jitla’ kif mistenni iżda sa sentejn oħra xorta se jkun 10% inqas minn dak li kien fl-2011, fi żmien kriżi finanzjarja b’inqas impatt minn dik li ħalliet l-imxija tal-Covid-19 fuq id-dinja kollha.
Ir-rata tad-dejn ta’ Malta se tkun fost l-inqas fil-pajjiżi fiż-Żona Ewro.