Fil-Jum Ewropew għall-Protezzjoni tat-Tfal mill-Isfruttament u l-Abbuż Sesswali, l-Amministratur għall-Internet Iżjed Sigur fi ħdan il-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali, Deborah Vassallo aċċennat fuq l-użu tar-ritratti fuq il-midja soċjali mit-tfal.
Saħqet li ritratti partikolari li saħansitra jkollhom it-tfal fuq il-midja soċjali jistgħu jispiċċaw ikunu s-sors t’abbuż sesswali fuq it-tfal.
Vassallo qalet: “Għat-tfal ovvjament hija trawma kbira jekk ikunu jafu li ritratt bħal dawn tagħhom spiċċa hemm barra anke minħabba l-fatt li jkollna tfal li jibdew jibżgħu joħorġu għaliex jafu li ċertu ritratti qegħdin hemmhekk u n-nies ħa jagħrfuhom eżempju. Anke l-fatt li online joħloq qisu l-fenomenu li inti ritratt qatt ma tistax tneħħih minn hemmhekk”.
Vassallo stqarret li sfortunatament l-pandemija kienet iż-żmien opportun għan-nies li għandhom l-interess jabbużaw lit-tfal fuq pjattaformi virtwali.
Dan għaliex it-tfal qattgħu iżjed ħin online u b’hekk dawn in-nies ħatfu l-opportunità.
Minkejja dan, Vassallo kellha kliem ta’ kuraġġ għat-tfal li sofrew minn sitwazzjonijiet simili u ħeġġithom jiftħu qalbhom u jersqu ‘l quddiem għall-għajnuna.
Hija sostniet: “Aħna noffru wkoll is-servizz li huma jistgħu jirrapportaw jiġifieri kemm through is-sapport u il-helpline tagħna jistgħu jċemplu 179 fejn jistgħu jitkelmu ma’ xi ħadd li jistgħu joffrilhom l-għajnuna u jekk forsi jiddejqu jitkelmu jistgħu wkoll jagħmluh online. Permezz tal-website tagħna Be Smart Online. Org. Mt jistgħu jidħlu fuq il-website għandek a report abuse button jistgħu jikklikjaw fuqha jidħlu hemmhekk fuqha u jiktbulna minn xiex ikunu għaddejjin”.
Intant anki l-Kummissarju għat-Tfal Pauline Miceli saħqet fuq il-kampanja ‘Be Smart Online’ u appellat lill-ġenituri u dawk li jieħdu ħsieb lit-tfal biex iżommu kuntatt mat-tfal u jsegwu dak li jkunu qed jagħmlu online.